Kamera moħbija qabdet mument xokkanti meta mara mħallsa sabiex tieħu ħsieb tarbija, u li hi marida bl-Epatite B, dehret tixrob mill-flixkun tal-ħalib tat-tarbija. Il-każ seħħ fiċ-Ċina.
Omm it-tarbija kienet qed tissuspetta l-atteġġjament tal-mara, suspett li wassalha sabiex tinstalla kamera bil-moħbi. Il-filmat li deher tant werwira li spiċċat ħadet lil bintha tiġri l-isptar.
L-omm kienet impjegat lill-mara f’Lulju li għadda sabiex tieħu ħsieb lil bintha waqt li hi u r-raġel tagħha jkunu x-xogħol. L-omm spjegat li l-mara kienet ġejja minn aġenzija li kienet sostniet li kellha aktar minn 10 snin esperjenza u bosta kienu dawk li rrakkomandawha.
L-omm saret taf li l-mara kellha l-Epitate B wara li qabditha tixrob mill-flixkun tat-tarbija. L-Epitate B hija infezzjoni fil-fwied li tista’ tiġi trasferita faċilment minn fluwidi tal-ġisem, inkluż il-bżieq.