Nanna ta’ 4 itfal u bużnanna ta’ 8 se tagħlaq 100 sena

Maria Galea li matul din il-ġimgħa se tagħlaq 100 sena hija omm ta’ żewġt itfal, nanna ta’ erbgħa u bużnanna ta’ tmienja tattendi b’mod regolari ċ-ċentru għall-Anzjanità Attiva f’San Pawl il-Baħar.

It-Tnejn, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia żar dan iċ-ċentru u ltaqa’ mal-anzjani li jattendu dan iċ-ċentru, kif ukoll ma’ Maria li kienet imdawra maż-żewġ uliedha bniet. Flimkien qasmu l-esperjenzi li għaddiet minnhom Maria matul ħajjitha.

Maria għadha persuna indipendenti u tgħix f’darha tagħmel użu ta’ wħud mis-servizzi li jipprovdi l-Gvern lill-anzjani fosthom taċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva u l-Għajnuna fid-Dar, sapport lill-benefiċjarji biex jgħixu ħajja kemm jista’ jkun indipendenti fil-komunità.  

Maria kienet ħajjata prima u sal-lum għadha tagħmel xi alterazzjonijiet żgħar, tattendi ċ-ċentru b’mod regolari, tisma’ l-quddies, taqra u tħobb tieħu ħsieb il-pjanti. Maria qalet li x-xewqa tagħha hija li tibqa’ b’saħħitha biex tkompli tgawdi l-familja tagħha.

Il-Ministru Michael Farrugia awgura lil Maria l-isbaħ xewqat u ħafna aktar snin ta’ saħħa. Il-Ministru Farrugia kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Active Ageing and Community Care Renzo De Gabriele u minn Cynthia Formosa li hija l-Manager tal-Active Ageing and Community Care.