Nanna ssawwat Kap ta’ Skola; min jikkundanna u min jiġġustifika

Il-każ tan-nanna li ħebbet għall-Kap tal-Iskola tal-Birgu u li ta’ dan l-aġir ġiet ordnata tħallas multa ta’ €4,000 xegħlet il-mezzi soċjali, b’reazzjonijiet ta’ kull xorta.
Min jgħid li l-multa hija ġustifikabbli. Oħrajn jgħidu li wieħed m’għandux jiġġudikaha “għax l-istorja mhix tingħad kollha”.
Ħafna stmerrew l-aġir tan-nanna u jemmnu li kien ħaqqha ħafna aktar minn multa. Uħud issuġġerew li għandha bżonn lezzjonijiet biex timmaniġġja r-rabja.
Oħrajn saħqu li nstemgħet biss qanpiena waħda u għalhekk wieħed ma jistax jiġġudika, minħabba li f’ċertu sitwazzjonijiet huma kienu jaslu biex jagħmlu l-istess. Għaldaqstant, oħrajn irribattew li l-vjolenza m’għandhiex tkun aċċettata.
Ma naqasx kliem ta’ tifħir għall-Kap tal-Iskola, b’dawk li jafuha personalment jgħidu li dejjem għamlet minn kollox biex taħdem favur l-istudent.
Kien hemm min saħaq li l-flus tal-multa għandhom jingħataw kumpens lill-Kap tal-Iskola “għat-trawma” li għaddiet minnha.
Illum l-Unjin tal-Għalliema (MUT) ippubblikat il-verżjoni tal-Kap tal-Iskola, li ddeskriviet kif in-nanna tal-istudent qabditha minn xagħarha u kaxkritha mal-art. Qalet ukoll li bdiet tagħtiha ħafna daqqiet bil-ponn u bis-sieq.