“Naħfrilha lil-LSE” – omm tifel bl-awtiżmu; L-MUT tistenna apoloġija mingħand l-omm

L-Union for Professional Educators qalet li m’għandha l-ebda tolleranza lejn min ma jġibx rispett lejn l-edukaturi, u appellat biex ikun hemm il-gwardjani fl-iskejjel. Dan qalitu b’referenza għall-każ ta’ Diego, tifel ta’ erba’ snin bl-awtiżmu, li ommu Sefora Tabone lbieraħ xerrdet filmat fuq Facebook tgħid li qabdet lil-LSE tal-Breakfast Club tgħajjat u xxejjer subagħha f’wiċċ it-tifel għax beda jwaddab l-affarijiet. Sadattant, l-omm ħarġet lil binha mill-Breakfast Club, li hu organizzat mill-iskola tal-istat stess, u qalet li taħfer lil-LSE. Intant, l-MUT qalet li l-LSE aġixxiet kif suppost, u ma kien hemm l-ebda nuqqasijiet min-naħa tagħha. L-unjin appellat lill-ġenituri biex jiskużaw ruħhom.

Għalliema li kienet xhud għal li ġara qalet lil Newsbook.com.mt li l-LSE kkoreġiet lit-tifel għax dan beda jsawwat lit-tfal fil-klassi tiegħu u anke lil-LSE stess. Intant, omm oħra li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt għax kienet xhud dakinhar ikkonfermat ukoll li l-LSE kienet biss qed tipprova tipproteġi lit-tfal l-oħra.

Filmat: “It-tifel beda jsawwat” – għalliema; “Għajtet ma’ ibni bl-awtiżmu” – omm

“Naqbel li ibni għandu jkun dixxiplinat” – l-omm

Sefora Tabone qalet li hi mhix tiskuża l-imġiba ta’ binha, u taqbel li għandu jkun dixxiplinat, iżda kienet qed tirreaġixxi għar-reazzjoni tal-awtoritajiet meta kkonfrontathom bis-sitwazzjoni, partikolarment għas-siġġu li tqiegħed fil-klassi l-għada li lmentat biex il-ġenituri ma jitħallewx jgħaddu.

“Nistennew apoloġija” – MUT

L-MUT qalet li ma tistax tifhem il-pożizzjoni tal-omm li qalet li ħafret lil-LSE, mentri l-unjin qalet li hi stenniet apoloġija mingħand l-omm dwar l-aħbar li hi xerrdet fil-pubbliku li affettwat lil-LSE u lill-iskola, kif ukoll lill-istudenti li kienu xhieda għal dak li ġara nhar il-Ġimgħa meta l-omm saret taf bil-biċċa.

L-unjin qalet li bħalma l-ġenituri jistennew li l-edukaturi jaġixxu b’mod responsabbli, l-istess għandhom jaġixxu l-ġenituri għall-ġid tal-istudenti.

Bżonn ta’ gwardjani tas-sigurtà fl-iskejjel – UPE

Il-UPE sejħet il-kummenti tal-pubbliku fuq il-filmat li xerrdet l-omm bħala “odju inġustifikat u insensat” lejn nies imħarrġa u professjonisti. Minħabba din l-istorja, il-UPE qiegħda tappella lid-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex “ma jkomplix ikaxkar saqajh” u jdaħħal gwardjani tas-sigurtà fl-iskejjel mill-aktar fis possibbli. L-unjin qalet li hi se tara li kull min ixerred “dan l-odju” għall-edukaturi u l-professjonisti jieħu dak li ħaqqu skont il-liġijiet u l-ġustizzja ta’ Malta.