Naħdmu kontra l-kultura tal-korruzzjoni u favur il-ġustizzja u l-verità – L-Arċisqof

Archbishop Charles J Scicluna interviewed on Newsbook.com.mt & 103 Malta's Heart
L-Arċisqof Charles J Scicluna intervista fuq Newsbook.com.mt u 103 Malta's Heart

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna, f’messaġġ maħruġ fit-30 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qal li lkoll għandna naħdmu kontra l-kultura tal-korruzzjoni. Semma wkoll l-importanza ta’ istituzzjonijiet b’saħħithom u indipendenti.

Mons. Scicluna qal ukoll li “għadna nistennew il-verità kollha dwar il-kumplott wara l-assassinju tagħha u għadna nistennew li ssir ġustizzja magħha, mal-familja tagħha u magħna lkoll għax l-assassinju tagħha kien ukoll attakk premeditat fuq is-soċjetà tagħna.”

It-tfittxija tal-verità u l-ġustizzja dmir ta’ kulħadd

L-Arċisqof qal li hu importanti li niftakru li lkoll għandna d-dover personali nemmnu fit-tfittxija tal-verità u nħaddnu l-ġustizzja, biex ma naqgħux għat-tentazzjoni li naħsbu li l-ġustizzja hija d-dover tal-Gvern u tal-Awtoritajiet, jew il-ġlieda għall-verità u l-ġustizzja hija biss id-dmir tas-soċjetà ċivili.

Stqarr li l-għarfien tad-dmirijiet ċiviċi lejn ħaddieħor u l-komunità tagħna jitlob li naħdmu kontra l-kultura ta’ korruzzjoni, ta’ pjaċiri u klijentaliżmu. Huwa qal li għandna dmir li:

  • ma nagħlqux għajnejna lejn il-ħażen għax hekk jaqblilna
  • nittrattaw lil xulxin b’rispett
  • ma npoġġux il-gwadann personali qabel il-ġid komuni, u
  • nkunu lesti li nagħtu sehemna fil-komunità li nagħmlu parti minnha

Mons. Scicluna fakkar għandna nerfgħu r-responsabbiltajiet tagħna mingħajr biża’ u mingħajr ma nħarsu lejn uċuħ għax għandna r-responsabbiltà li nagħrfu u naħdmu  għall-ġid komuni.

Ġustizzja speċjalment mal-vulnerabbli

Fil-konklużjoni tal-messaġġ tiegħu l-Arċisqof qal li “l-ikbar test tal-impenn tagħna lejn il-verità u l-ġustizzja huwa kif ikunu ttrattati l-marġinalizzati u l-vulnerabbli, dawk li m’għandhomx la vot u lanqas vuċi.”

Semma li l-uniku mod li l-ġustizzja tkun garantita ma’ kulħadd “speċjalment lill-iktar vulnerabbli” huwa li “tħobbhom u li tara li għandna istituzzjonijiet b’saħħithom u indipendenti, b’riżorsi adegwati u li jitħallew jiffunzjonaw b’rispett totali lejn is-saltna tad-dritt.”

Huwa rrepeta l-istedina għall-azzjoni li hemm fil-kliem tat-teologu u attivist Ġermaniż Dietrich Bonhoeffer li nqatel f’kamp ta’ konċentrament għax ħadha kontra l-inġustizzja u l-ħazen ta’ żmienu:

“Meta tistenna u tibqa’ gallerija tkun qed tgħix ħajja irresponsabbli. Il-libertà tinsab fl-azzjoni. Iddeċiedi u idħol fit-tempesta tal-ħajjin.”