“Naħdmu b’sinerġija biex l-ebda ċittadin jew resident ma jħossu maqtugħ” – Il-President

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca ħeġġet lill-Presidenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, u li bħalha ma għandhomx poter amministrattiv, biex fil-limitazzjonijiet tagħhom jaħdmu biex ixerrdu messaġġ ta’ solidarjetà u ġustizzja soċjali.
Hija stiednet lill-Presidenti biex jaħdmu flimkien b’sinġerija ħalli l-ebda ċittadin jew residenti ma jħossu maqtugħ ‘il barra.
Coleiro Preca qalet dan waqt it-tnedija tat-13-il laqgħa għall-Presidenti Mhux Eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea, liema laqgħa se tkun qed issir f’Malta bejn l-14 u l-15 ta’ Settembru.
B’kollox se jkun hawn Malta 13-il President. Dawn se jirrapreżentaw l-Awstrija, Bulgarija, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, Malta, il-Polonja, il-Portugal u l-Islovenja.
It-tema tal-laqgħa se tkun ‘Crossing Borders’ u matulha l-Presidenti mistenni jiddiskutu l-polarizzazzjoni dejjem tiżdied fl-Ewropa fejn jidħlu l-klassijiet soċjali u l-etniċita.
Matul il-laqgħat se jkunu qed isiru żewġ diskussjonijiet, l-ewwel waħda mmexxija mill-Professur Carmel Borg u t-tieni waħda mill-Professur Stephen Calleja.
Il-laqgħat se jkunu qed isiru fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, il-Palazz tal-Verdala u fis-Sala ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Matul il-jumejn li se jagħmlu Malta, il-Presidenti se jkollhom l-opportunità jżuru diversi attrazzjonijiet fosthom il-Kon Katidral ta’ San Ġwann u l-Barrakka ta’ Fuq.