“Nagħtu l-istess ammont biex ma nippolitiċizzawx il-karità” – FZD

Adrian-Delia-DTP

Read in English.

Francis Zammit Dimech, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, qal li snin ilu kien sar ftehim bejn il-PN u l-Partit Laburista li meta jkun hemm maratoni ta’ karità, it-tnejn jagħtu €1,000 biex jiġi evitat li dawn il-maratoni jiġu politiċizzati. Żied jgħid li mhux veru li hu jew xi ħadd ieħor taw xi direttiva biex l-eks Kap tal-PN Adrian Delia ma jidhirx jagħti d-donazzjoni tiegħu.

Zammit Dimech kien qiegħed iwieġeb mistoqsijiet magħmula minn Newsbook.com.mt fid-dawl ta’ diversi kummenti li kien hemm fuq il-midja soċjali.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN ċaħad bil-qawwa kollha li hu jew xi ħadd ieħor ta struzzjonijiet lill-midja tal-PN biex ma jxandrux lil Adrian Delia waqt li kien qiegħed jagħmel id-donazzjoni ta’ €27,000 miġbura mill-grupp tiegħu.

Zammit Dimech spjega li l-istazzjon dejjem iwaqqaf ix-xandira tal-maratona xi ħin qabel l-aħbarijiet tas-7.30pm biex ikunu jistgħu jsiru r-reklami li kienu bbukkjati, kif ukoll, din is-sena, il-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena mill-Kap tal-PN.

Huwa qal li Dr Delia mar bid-donazzjoni f’dak il-ħin li fih kien qed jixxandar il-messaġġ tal-Kap tal-PN. Żied jgħid li tant ma kien hemm l-ebda direttiva biex Delia ma jidhirx, illi Net TV xandruh iħabbar il-wegħda ta’ għotja ta’ nofs miljun ewro.

Dwar l-għotja mill-partiti, saħaq li jkun skandaluż jekk il-partiti jibdew jikkompetu bejniethom fuq kemm ikunu kbar id-donazzjonijiet li jagħtu. Għalhekk kienu ftiehmu li l-għotja tkun l-istess u tkun ta’ elf ewro. Huwa kkonferma li hekk sar anke din is-sena, kemm fil-maratona għall-Istrina, kif ukoll fil-maratona għad-Dar tal-Providenza.

Huwa wera sodisfazzjon kbir għar-rekord ta’ ġbir mid-Dar tal-Providenza. Qal li din id-dar hija għal qalb il-Maltin li kontinwament juru dan bid-donazzjonijiet li jagħtu.