“Irridu nankraw il-ħajja spiritwali tagħna fir-realtà soċjali” – predikatur lil Franġisku

Il-Papa Franġisku flimkien ma diversi membri tal-Kurja Rumana din il-ġimgħa attendew kors ta’ eżerċizzji spiritwali li tmexxew minn Fr José Tolentino Mendonça  bit-tema: Nagħrfu l-Għatx għal Alla.
"Li nagħrfu l-għatx tagħna nfusna mhux faċli imma jekk ma nagħmlux hekk il-ħajja spiritwali titlef il-viżjoni tar-realtà ta’ madwarna. Jekk nagħrfu l-għatx tagħna nankraw il-ħajja spiritwali tagħna fir-realtà konkreta ta’ min aħna. Aħna nfittxu l-ilma meta dan jonqosna u l-istess aħna nkunu għatxana għal Alla għax inħossu n-nuqqas tiegħu."
Il-predikatur qal li hu essenzjali għall-ħajja spiritwali li nżommu għajnejna miftuħa biex naraw x’inhu jiġri fid-dinja. Jekk ma nagħmlux hekk inħossuna komdi u naħarbu mir-responsabbiltà soċjali tagħna. Hu fakkar li “l-vuċi ta’ Kristu tibqa’ tikkonfrontana bil-mistoqsija 'Fejn hu ħuk?' "
Il-mistoqsija dwar l-għatx spiritwali ma tkunx kompluta jekk ma tressaqniex eqreb “għall-għatx naturali  li qed ibatu ħafna nies madwar id-dinja."
Fakkar li 30% tal-popolazzjoni tad-dinja m'għandhiex aċċess għall-ilma tax-xorb fid-dar tagħha. Dan hu l-għatx li qed ibatu dawk li jgħixu fil-periferija tas-soċjetà u li jitolbu minna li “b’mod urġenti nadottaw konverżjoni awtentika tal-ħajja u tal-qalb”.
Fr. Tolentino kompla li Ġesù jifhem lil dawk li qed jgħixu fil-periferija għax hu twieled fil-periferija ta’ Betlehem u mhux fil-qalba tal-belt. Għex f’Nazareth ‘isem tant insinjifikanti li hu wieħed mill-pajjiżi rari fil-Palestina li qatt ma jissemma fit-Testment l-Antik’. 
Il-messaġġ ta’ Kristu nsibuh fil-periferija u kif naqraw fil-konklużjoni tal-Vanġelu ta’ San Mark, anke wara li qam mill-imwiet, Ġesù ried jiltaqa’ mad-dixxipli tiegħu fil-periferija u “se jmur qabilkom fil-Galilea”.
“L-għażla tal-periferija hi fid-DNA tan-Nisrani”.
L-Insara jiltaqgħu ma’ Ġesù f’kull żmien u kullimkien. Għalhekk il-Kristjaneżmu hu realtà tal-periferija. 
“Għall-Knisja l-periferija mhix problema imma orizzont. Hu biss billi toħroġ minnha nnifisha li l-Knisja tista’ tiskopri missjoni ġdida. Hu biss billi toħroġ minnha nnifisha li l-Knisja tista’ terġa’ tiskopri lilha stess”, sostna, l-predikatur, quddiem il-Papa Franġisku u numru ta’ prelati oħra.