Nagħrfu l-bżonn t’Alla f’ħajjitna

“Ma għandniex permess noqogħdu gallarija u anqas noqogħdu bilqiegħda fuq xi pultruna komda quddiem it-televixin naraw id-dinja għaddejja”.
Din it-twissija għamilha l-Papa Franġisku f’messaġġ li bagħat lill-Konferenza Annwali tal-organizzazzjoni “Ħbiberija fost il-Popli” li qed tiltaqa’ f’Rimini matul din il-ġimgħa.
It-tema tal-konferenza ta’ din is-sena kienet meħuda mill-kittieb Ġermaniż, Johann Wolfgang von Goethe “Dak li tiret mingħand missierek trid taħdem għalih qabel isir tiegħek”.
Il-Papa qal li dan hu proprju dak li l-Knisja tistieden lil kull ġenerazzjoni biex tagħmel.
“Hu biss billi naqilgħu il-verità, is-sbuħija, it-tjubija li tawna l-ġenituri tagħna li nistgħu ngħixu l-bidliet epokali li fihom aħna mgħaddsa, u nibdluhom f’opportunità u okkażjoni biex nikkomunikaw b’konvenzjoni ma’ oħrajn il-ferħ tal-Evanġelju”,qal Papa Franġisku.
Huwa stieden lill-organiżaturi ta’ din il-laqgħa f’Rimini biex “jiftħu għajnejhom biex jaraw u jkunu konxji tad-diversi sinjali espliċiti tal-bżonn ta’ Alla f’ħajjitna”.
F’messaġġ li bagħat lill-istess konferenza, il-President Taljan Sergio Mattarella qal li “hi r-responsabbiltà tal-adulti li ma jużawx ħafna prodotti u opportunitajiet u jċaħħduhom lil uliedhom li jiġu warajhom.
Hi r-responsabbiltà taż-żgħażagħ li jagħmlu tagħhom dawn l-affarijiet u dawn l-istejjer li jagħtuhom futur u fl-istess waqt jagħmluhom protagonisti”.
“Id-dinja globalizzata u t-teknoloġija qed ipoġġu fil-periklu l-awtonomija ta’ kull persuna. Hawn ukoll l-idea tal-libertà tas-sens komunitarju, l-ambizzjoni li nagħmlu l-istorja jridu jkunu fformulati mill-ġdid biex ngħixuhom fil-preżent. Għalhekk, iż-żgħażagħ u dawk li jħarsu 'l quddiem għandhom jiffukaw fuq il-konsegwenzi tal-għażliet li jagħmlu llum u ma jaċċettawx is-soluzzjonijiet ta’ malajr li jirrifjutaw li jerfgħu ħarsithom biex jaraw il-futur,” qal il-President Mattarella.