‘Nagħmlu żball jekk nippretendu li n-Nisrani jibqa’ jilbes l-għonnella’

Miguela Xuereb

Read in English.

“Huwa minnu li hemm baħar jaqsam bejn kif kienu jgħixu t-twemmin Nisrani n-nanniet u kif qed jgħixuh uliedna; imma b’daqshekk ma jfissirx li l-ġenerazzjoni li tielgħa hija agħar min ta’ żmien l-antenati tagħna. Inkunu nagħmlu żball kbir jekk nippretendu li n-Nisrani tal-lum għandu jibqa’ jilbes l-għonnella!”

Dan kien il-messaġġ li l-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex bagħat lill-membri Għawdxin tal-Azzjoni Kattolika fl-okkażjoni tal-Assemblea Ġenerali tagħhom. L-Isqof Grech bħalissa qiegħed il-Vatikan għas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-Amażonja, fl-Amerika Latina, peress li l-Papa Franġisku ħatru bħala Pro-Segretarju Ġenerali tal-Sinodu tal-Isqfijiet.

Joqtol il-fidi mhux jirxuxtaha

L-Isqof Grech qal li meta xi ħadd illum ixidd “l-għonnella” ikun joqtol il-fidi u mhux jirxuxtaha. Huwa fakkar li hawn min ma għadux jirfes l-għatba tal-knisja u għadu ma fehemx il-ġmiel tal-Ewkaristija, imma xorta waħda huwa Kristjan fi ħsiebu u fi mġibtu.

“Għalkemm il-fjammi fil-ħuġġieġa naqsu, imma taħt l-irmied hemm ħafna ġamar jaqbad u biżżejjed nagħtuh ftit spazju biex jitrewwaħ u jerġa’ jaqbad u jqabbad,” qal l-Isqof Grech.

Tibżgħux mill-bidla

Huwa appella lill-membri tal-Azzjoni Kattolika biex ma jibżgħux mill-bidla u jilqgħu din it-tranżizzjoni bil-ferħ.

“Ma nippruvawx inwaqqfu l-bidla milli sseħħ. Hija parti mill-vokazzjoni tagħkom li tgħinu lill-Knisja lokali biex filwaqt li tibqa’ soda fil-fidi u fit-twaħħid tagħha ma’ Ġesù Kristu, tieħdu sehem f’dan il-proċess. Inkella ma tibqax relevanti għall-bniedem tal-lum.”

Qal ukoll li l-membri għandhom jitolbu lill-Ispirtu s-Santu jgħinhom jaqraw is-sinjali taż-żminijiet, fosthom il-ħafna Nsara anonimi li jaf ikun hemm fl-ambjenti ta’ madwarna.

Se jsib fidi fuq l-art?

L-Isqof Grech beda l-messaġġ tiegħu billi rrifletta fuq vers mill-Vanġelu meta Ġesù jistaqsina: “Taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”

Żied jgħid li ma jistagħġibx li ħafna jkunu ttentati li jagħtu tweġiba negattiva għax fil-ħajja ta’ madwarna bħal donnu hemm ħafna ħwejjeġ li jindikawlna li fil-ħajja Nisranija sejrin lura bħal granċ. Huwa ammetta li s-soċjetà ma għadhiex dik li kienet iżda żied jgħid li għadda ż-żmien meta l-Knisja kienet qisha r-“regolatur” ta’ dak kollu li jsir fil-familja u fis-soċjetà.

Huwa rrefera għal dak li kien qal Freidrich Nietzsche, jiġifieri li “Alla miet” iżda kompla jgħid li Jenkins Philip, studjuż Ingliż tal-istorja tar-reliġjonijiet, jgħid li mhux minnu li l-fidi fl-Ewropa qiegħda tintefa, imma għall-kuntrarju din qiegħda tixxettel.

L-Isqof Grech qal li  l-kultura Kristjana qed tinbidel, imma dan mingħajr ma tittiefes il-verità tal-Vanġelu. Huwa qal li l-verità tal-Vanġelu mhix damma ta’ prinċipji jew teoriji, imma l-persuna ħajja ta’ Ġesù Kristu.