“Nagħmlu ġimgħa kull wieħed ngħixu mal-anzjani f’SVPR” – Fr Ivan

Għadd ta’ ħaddiema fir-Residenza San Vincenz de Paule qed iduru s-swali biex jgħinu lill-anzjani jagħmlu “laqgħat” bi Skype mal-qraba tagħhom. Din kienet waħda mill-esperjenzi li qasam magħna Fr Ivan Scicluna li flimkien ma’ Fr Glenn Buhagiar qed jagħtu  servizz ta’ kura spiritwali lir-residenti u impjegati f’San Vinċenz.

Fr Ivan u Fr Glenn jagħmlu ġimgħa kull wieħed jgħixu fir-residenza.

Fr Ivan qal li l-inizjattiva ta’ Skype hija eżempju wieħed ta’ kif tista’ tiġi eżerċitata fil-prattika l-imħabba Nisranija tul din il-pandemija tal-coronavirus. Huwa qal li mal-mitt anzjan kuljum jingħataw dan is-servizz.

“Għadna nassistu lill-moribondi”

Tista’ tispjegali aktar dwar is-servizz li tagħtu inti u Fr Glenn? staqsejna.

“Aħna nalternaw bejnietna” weġibna. “Ġimgħa sħiħa jien u ġimgħa sħiħa Fr Glenn. Kien hawn magħna wkoll Fr Charles Abela. Iżda dak minħabba l-età kellu jobdi d-direttivi tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u issa joqgħod id-dar.”

Fr Ivan semmielna li huwa jqaddes kuljum u li din il-quddiesa tiġi trażmessa fis-swali, fejn l-anzjani japprezzawha ħafna.

“Minħabba d-direttivi kellna sfortunatament inwaqqfu t-tqarbin fis-swali iżda kull meta jkun hemm xi anzjan li wasal fit-tmiem ta’ ħajtu aħna nassistuh kemm hemm bżonn.”

Żied jgħid li l-anzjani jħossuha ħafna li jista’ jkun li jmutu u ħadd mill-qraba, l-anqas uliedhom ma jkunu magħhom minħabba li bħalissa ħadd ma jista’ jmur jarahom.

“Iżda kollox ma kollox huma qed jifhmu li d-direttivi li saru huma għall-ġid tagħhom u tal-oħrajn.”

Kuntatt mal-qraba

Il-kappillan ta’ San Vinċenz qal li l-qraba ġieli jċemplulu biex isaqsuh dwar l-għeżież tagħhom u huwa dejjem jagħti l-informazzjoni li tkun intalbet. Semma li qabel il-kriżi kien hemm qraba li ta’ spiss iżuru lill-pazjenti iżda kien hemm ukoll anzjani abbandunati.

“Jiena u sieħbi dejjem konna nagħmlu li nistgħu biex inkellmu lil dawn li ftit jew ħadd ma kien imur jarahom. Hemm xi ħaġa oħra pożittiva. Dawk li kienu jiġu jżuru l-qraba tagħhom imbagħad kienu joqogħdu jkellmu lil dawk li ma kien imur ħadd jarahom.”

Fr Ivan qal li meta ħarġet l-aħbar li kien hemm każ fir-residenza kien hemm ħafna tensjoni. Żied jgħid li din naqset illum għax ħafna indunaw li r-residenza kienet ippreparata sew.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn