Nagħaġ u mogħoż jikkompetu f’Ħad-Dingli

Ħad-Dingli se jkun vetrina tat-tradizzjonijiet Maltin hekk kif nhar il-Ħadd fil-Buskett se ssir l-attività Ħad-Dingli – Ħidma Agrarja u Tradizzjonijiet.
Fost l-oħrajn se jispikkaw prodotti friski lokali, artiġjanat, wirja tan-nagħaġ u l-mogħoż b’kompetizzjoni tal-ġmiel u tal-ħalib, wirja taż-żwiemel, tal-fniek, tat-tiġieġ u wirja tal-klieb ta’ Malta.
Wieħed se jkun jista’ jduq ukoll platti tipiċi Maltin bħall-fenek, timpana, imqaret, laħam taż-żiemel, kirxa, sfineġ, ftira biż-żejt, pulpetti bl-ikkapuljat.
It-13-il edizzjoni se tinkludi wkoll għana u kant Malti.
L-attività qed tittella’ mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli, bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja u d-Drittijiet tal-Annimali u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.