Nagħaġ Ġanni Attard: il-mazz f’idejn Clint Camilleri

Ġanni Attard, ir-raħħal Għawdxi li jinsab għaddej bi proċeduri legali minħabba nagħaġ li allegatament mhumiex tiegħu, reġa’ kiteb lis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet u l-Ħarsien tal-Annimali Clint Camilleri biex in-nagħaġ jiġu ttestjati u rreġistrati.
F’numru ta’ okkażjonijiet, Ġanni kiteb lill-awtoritajiet dwar il-każ tiegħu biex jipproteġi lin-nagħaġ biex flok jinqatlu jiġu rreġistrati kif suppost.
L-aħħar ittra ntbagħtet ilbieraħ lis-Segretarju Parlamentari Għawdxi filwaqt li ta’ qabilha ntbagħtet f’Ottubru li għadda.
L-avukat ta’ Ġanni qed iżomm lill-Prim Ministru infurmat b’dawn l-ittri.
Il-każ ta’ Ġanni Attard imur lura kważi tmien snin.
Fl-ittra tiegħu, l-avukat ta’ Ġanni ppubblika wkoll serje ta’ imejls fejn juri li f’Lulju 2010, Attard jgħid li għandu madwar 100 nagħġa mingħajr ear-tag u ried jirreġistrahom.
Fl-ittra, l-avukat ta’ Ġanni jikteb li “n-nagħaġ ta' Attard ma huma xejn anqas minn annimali oħrajn.”
Ġanni Attard qed ikun irrappreżentat legalment mill-avukat Joshua Grech.
Tista’ taqra l-ittra sħiħa hawnhekk: