“Nafu minn min kienet tibża’”– ulied Daphne

Ulied Daphne Caruana Galizia sostnew li jafu minn min kienet tibża’ ommhom u li tkellmu dwar dan mal-Pulizija, madanakollu dejjem baqgħu mingħajr risposta.
Dan qaluh Andrew u Matthew Caruana Galizia waqt intervista ma’ Euronews dwar l-andament tal-investigazzjonijiet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Andrew Caruana Galizia spjega waqt l-intervista li hu u ħutu jafu minn min kienet tibża’ ommhom u minn fejn kien qed jiġi t-theddid.
Spjega li tkellmu dwar dawn id-dettalji mal-awtoritajiet Maltin, filwaqt li qal li ma jistgħux ikunu huma li jfittxu l-provi dwar l-allegazzjonijiet.
Irrimarka li l-ewwel aspettattiva tagħhom kienet li l-persuni li indikaw huma lill-awtoritajiet ikunu minn tal-ewwel li jiġu investigati.
Il-ġurnalista Sophie Claudet minn Euronews staqsiethom dwar x’kienu r-reazzjonijiet tal-awtoritajiet Maltin meta semgħu l-ismijiet li tawhom.
Iben il-ġurnalista assassinata, Matthew Caruana Galizia wieġeb li meta ppruvaw jikkomunikaw mal-Pulizija qatt ma rċevew l-ebda tip ta’ risposta lura.
Sostna li s-sitwazzjoni hija waħda orribli iżda mhux se jieqfu jissieltu għal aktar investigazzjonijiet u għad-drittijiet tagħhom u ta’ ommhom.