Nadur Youngsters jaffaċċjaw liċ-champions Victoria Hotspurs

Victoria Hotspurs, ir-rebbieħa l-ġodda tal-Kampjonat BOV tal-futbol f’Għawdex se jilagħbu kontra n-Nadur Yougsters fil-finali tal-BOV GFA Cup li se tintlagħab għada fit-3.00pm. Il-logħba se tkun qed tixxandar live għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni. Dan ħabbru Horace Laudi, l-Uffiċjal Kap tal-Bank of Valletta waqt konferenza relatata mal-logħba ta’ għada.

Il-kowċ tan-Nadur Youngsters qal li t-tim tiegħu jinsab preparat għal logħba u għalkemm jidher li huma l-underdogs, xorta hemm ċans tajjeb li jirbħu hekk kif lil Hotspurs irnexxielhom jirbħulhom darba fil-kampjonat. Min-naħa tiegħu, il-kowċ ta’ Hotspurs qal li għalkemm għelbu lil Nadur Youngsters darbtejn fil-kampjonat, xorta jridu joqogħdu attenti u jagħtu kulma jistgħu biex jirbħu.