Nadur Youngsters FC relegati u mmultati minħabba korruzzjoni

It-tim tal-futbol ta’ Nadur Youngsters FC ġie relegat mill-Ewwel għat-Tieni Diviżjoni tal-futbol f’Għawdex wara li nstab ħati ta’ għadd ta’ irregolaritajiet u prattiċi ta’ korruzzjoni minn eks uffiċjal tiegħu.
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol l-MFA qalet li l-klabb ta’ Nadur Youngsters ingħata wkoll multa ta’ €4,000.
Dan wara li l-klabb instab ħati mill-Bord għall-Investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ tixħim fil-futbol.
L-eks segretarju tal-klabb Anthony Portelli kien offra somma flus lil pleyer sabiex jinfluwenza riżultat ta’ partita tal-futbol.
Portelli ġie sospiż għal għomru minn kull attività sportiva fi ħdan il-Gozo Football Association u l-MFA.
L-MFA qalet li akkużi ta’ korruzzjoni bħal dawn huma pjaga fl-isport u dawn id-deċiżjonijiet iebsa għandhom l-għan li jaqtgħu abbużi oħra li jistgħu isiru.
Ritratt: Arkivji – Facebook