Mya Azzopardi u Amy Micallef jiksru ħinijiet rekord fl-Għawm

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq inkisru tliet rekords tal-aqwa ħin fil-kategoriji tal-50 metru backstroke u tal-200 metru Individual Medley.
Dan hekk kif Mya Azzopardi b'ħin ta' 31.37 sekondi fil-50m backstroke irnexxielha tikser ir-rekord nazzjonali li kien miżmum minn Nicola Muscat sa minn Lulju tal-2011.
B'dan l-istess ħin, Azzopardi rnexxielha tikser ukoll ir-rekord tal-Grupp tal-Età tagħha, li ukoll kien inkiser minn Nicola Muscat f'Lulju tal-2010.
Mya Azzopardi rnexxielha tikser ukoll rekord li kien tagħha stess fil-200m medley meta f'ħin ta' żewġ minuti u 29.85 issuperat ir-rekord ta' 2:31.43 miksub f'Serravalle iktar kmieni din is-sena.
Intant fl-aħħar ġimagħtejn fl-Ingilterra, Amy Micallef irnexxielha tikser ir-rekord nazzjonali fil-200 metru u l-100 metru breaststroke b'ħinijiet ta' żewġ minuti u 42.62 sekondi u minuta u 14.13 sekondi rispettivament.
Ir-rekords ta' dawn iż-żewġ kategoriji kienu nkisru mill-istess Amy Micallef, f'Jannar tal-2016 fil-200 metru breaststroke u fi Frar ta' din is-sena fil-100 metru breaststroke.