My Way ta’ Frank Sinatra għalqet 50 sena

Il-kanzunetta My Way kantata minn Frank Sinatra din is-sena għalqet 50 sena. Fuq kliem ta’ Paul Anka u mużika tal-Franċiżi Claude Francois u Jacques Reveaux din il-kanzunetta qatt ma telgħet fil-quċċata taċ-charts, la fl-Ingilterra u lanqas fl-Istati Uniti fejn ħarġet għall-ewwel fl-ewwel xhur tas-sena 1969. Fl-Ingilterra waslet biss sal-ħames post imma baqgħet fil-klassifika tal-Aqwa 40 Kanzunetta għal sentejn u nofs sħaħ, minn April 1969 sa Settembru 1972, rekord li għadha żżomm sal-lum.

S’issa kantawha fl-istil tagħhom aktar minn 100 kantant u kantanta differenti u wasslet għal suċċess lil Dorothy Squires, lil Elvis Presley u lis-Sex Pistols. Taħlita ta’ stili differenti imma li jkun stil jiġbed is-simpatija lejh. Kull sena tispiċċa bħal l-aktar diska kantata waqt il-karaoke mawar id-dinja u fl-Ingilterra hija l-aktar diska li tinstema’ waqt il-funerali.

L-istorja tagħha bdiet meta Paul Anka ta’ 26 sena semagħha fi Franza fl-1967 waqt li kien vaganza hemmhekk. Kienet bit-titlu Comme d’Habitude (Bħas-Soltu), kanzunetta ta’ swied il-qalb kantata minn Claude Francois, li telgħet fl-1 post tal-klassifika fi Franza. Meta ġiet f’idejn Paul Anka bidel għal kollox il-kliem tagħha u l-kumplament huwa storja. Paul Anka wara stqarr li d-diska kienet waħda ‘tal-qamel’ imma kellha xi ħaġa differenti fiha li ġibditu lejha.

Lura fl-Istati Uniti Paul Anka jum minnhom irċieva telefonata mingħand Frank Sinatra li stiednu għall-ikel. Waqt l-ikla Frank Sinatra, ta’ 53 sena, għarrfu li kien se jieqaf mill-kant u talbu biex jiktiblu xi ħaġa li darba kien wiegħdu. Fid-disgħa ta’ bil-lejl beda jikteb il-kliem u spiċċahom fil-ħamsa ta’ filgħodu. Ċempel lil Frank Sinatra li meta qallu dwarha, Frank wieġeb li l-kanzunetta għoġbitu u rrekordjaha f’darba bla ma kellu bżonn jerġa’ jippruvaha darb’oħra fit-30 ta’ Diċembru 1968. Xahrejn wara Frank Sinatra semmagħhielu fuq it-telefon.

Frank Sinatra maż-żmien sar jobgħod lid-diska u fl-1984, waqt terremot ta’ ċapċip fl-Albert Hall fl-Ingilterra wara li kantaha, instema’ jlissen: “Ma niflaħhiex aktar din id-diska!”

L-ewwel cover version ta’ My Way saret mill-kantanta minn Wales Dorothy Squires meta l-verżjoni ta’ Frank Sinatra kienet għadha fl-aqwa tagħha. Elvis Presley daħħalha fiċ-charts seba’ snin wara u sena wara kien imiss lis-Sex Pistols li joħorġu l-verżjoni tagħhom imma b’xi tibdil fil-kliem.

Fil-11 ta’ Ottubru jidher li se tkompli l-istorja ta’ Frank Sinatra bil-kanzunetta My Way, hekk kif Capitol/UMe se jkunu qed joħorġu edizzjoni ta’ 50 sena anniversarju tal-album My Way, kif ukoll album ieħor li jġib l-isem ta’ Sinatra Sings Alan & Marilyn Bergman.