Imwiet minħabba l-obeżità f’Malta taħt il-medja Ewropea

Read in English.

Għalkemm l-aktar statistika riċenti turi li Malta għandha l-ogħla rati ta’ obeżità fl-Unjoni Ewropea, estimi jindikaw li r-rata ta’ mwiet kawża ta’ mard marbut mal-obeżità hija anqas mill-medja Ewropea.

F’risposta għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ikkwota figuri mill-Institute for Health Metrics and Evaluation u qal li jidher li f’Malta kien hemm 369 mewt li setgħu jiġu attribwiti għall-obeżità.

Madankollu din ir-rata, “ras għal ras, hija anqas mill-medja Ewropea,” żied jgħid Fearne.

Skont l-aktar figuri riċenti li ppublikat il-Eurostat, il-maġġoranza tal-popolazzjoni adulta tal-Unjoni Ewropa (51.6%) għandha piż żejjed. Ir-rata titla’ għal 59.6% f’Malta: l-ogħla rata fl-Unjoni Ewropea.

Malta kienet rrapurtat ukoll l-ogħla rata ta’ obeżità fl-UE, b’25.2% tal-adulti jgħixu f’Malta meqjusa bħala obeżi. Ir-rata ta’ obeżità fl-Unjoni Ewropea kienet 14.9%.

Dawn il-figuri jmorru lura għas-sena 2014: filwaqt li sar studju ieħor fl-UE fis-sena 2019, ir-riżultati mistennija joħorġu fl-aħħar tas-sena 2021.