MV Marina b’79 immigrant abbord: “L-ekwipaġġ għajjien u l-ikel daqt jispiċċa”

Sea-Watch International / Twitter

Read in English.

Is-sitwazzjoni abbord MV Marina għadha waħda kritika issa li l-membri tal-ekwipaġġ qed iħossuhom eżawsti u l-ikel wasal biex jispiċċa. Abbord hemm 79 immigrant, fosthom tliet nisa.

L-għaqda Sea-Watch International kitbet fuq Twitter ilbieraħ filgħaxija li dawk abbord il-vapur ma jifilħux jissapportu wisq aktar. Ilbieraħ inqalgħet ġlieda bis-skieken fosthom wara li saħnet il-qiegħa minħabba l-pressjoni li jinsabu fiha. Il-membri tal-ekwipaġġ mhumiex imħarrġin biex jieħdu ħsieb dawk in-nies kollha, u l-provvisti kulma jmur qegħdin jonqsu.

Il-Kaptan informa lill-NGO li n-nies qegħdin jorqdu fil-miftuħ, l-ekwipaġġ huwa għajjien u l-ikel dalwaqt jispiċċa.

Sea-Watch International appellat mill-ġdid lill-Gvernijiet tal-Italja u ta’ Malta biex iħallu lill-vapur jidħol fil-portijiet tagħhom.

Nhar it-Tlieta li għadda, il-Kaptan tal-vapur MV Marina bagħat email urġenti liċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni ta’ Salvataġġ (RCC) ta’ Malta, li fiha ddeskriva s-sitwazzjoni kritika li kien jinsab fiha l-vapur, li kmieni l-Ħadd filgħodu ntalab itella’ abbord l-immigranti li kienu bejn sema u ilma. Il-Kaptan qal li kulma jmur it-tensjoni qed tkompli tiżdied, peress li l-immigranti bdew isiru aggressivi ma’ xulxin u mhumiex jobdu lill-membri tal-ekwipaġġ.

Apparti dan, spiċċaw bla ilma. Il-Kaptan kiteb li ma kellhomx biżżejjed ikel għall-24 siegħa li ġejjin. Żied jgħid li sitt immigranti għandhom bżonn l-għajnuna medika. Stqarr li l-vapur m’għandux biżżejjed tagħmir protettiv għall-immigranti.

B’kollox hemm 13-il membru tal-ekwipaġġ li m’għandhomx esperjenza fit-tiftix u s-salvataġġ.