Mużew tal-arti ċkejken għal żewġ annimali ċkejknin

Koppja f’Londra li huma fuq kwarantina iddeċidew li jferrħu liż-żewġ annimali ċkejknin li għandhom billi jagħmlulhom mużew tal-arti.

Filippo u Marianna jgħixu f’Londra u maqfulin kif inhuma fi djarhom minħabba l-kwarantina riedu jaraw kif se jgħaddu ż-żmien. Għalhekk iddeċidew li jagħmlu l-mużew tal-arti minjatura għal Pandoro u Tiramisù, iż-żewġ ġerbilli tagħhom, aħwa ta’ disa’ xhur. Filippo jaħdem f’mużew waqt li Marianna tpitter u tikteb.

Il-kwadri ċkejknin tal-pittura li jidhru fil-mużew tal-annimali huma kollha pittura magħrufa ma’ kulħadd imma biddlu fihom l-uċuħ u minflokom poġġew dawk jew ta’ Pandoro jew ta’ Tiramisù.

Il-koppja ammettew li l-ġerbilli ma tantx għandhom xi ġibda speċjali għall-arti. Imma kellhom ġibda lejn banketta li poġġewlhom fil-post għax l-annimali gerrmuha kollha.

Fl-aħħar nett Filippo u Marianna ammettew li l-mużew u l-ġerbilli ma tantx jiswewlhom flus. Kulma jiswew huma ftit żerriegħa u materjal biex jagħmlu l-banketti mill-ġdid.