Mużew għall-istorja tal-mediċina minflok is-Santu Spirtu

Is-Santu Spirtu se jkun qed jinbidel mill-Arkivji Nazzjonali għall-mużew dwar l-istorja tal-mediċina. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo waqt l-iffirmar tal-medda ta’ art li se tkun qed tgħaddi għand l-Arkivji Nazzjonali f’Ta’Qali bħala parti mill-proġett tal-Malta National Park. Huwa sellem Michael Bonnici li miet ftit tal-ġranet ilu u qal li dan għamel ħafna ġid għall-arkivji u l-istorja ta’ Malta.

Ara: Imut Eks MP tal-PN

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius iffirmaw it-trasferiment ta’ art pubblika f’Ta’ Qali sabiex l-Arkivji Nazzjonali jkunu jistgħu jibnu binja adattata għall-preservazzjoni tad-dokumenti importanti li jieħdu ħsieb.

Evarist Bartolo faħħar dan il-progress li permezz tiegħu ser jkun hemm  bini ddedikat għall-arkivji. Huwa qal li dan huwa pass dwar il-futur għax l-identità ta’ Malta tissawwar mill-memorji tal-esperjenzi storiċi matul is-sekli, u t-taħlit ma’ popli u pajjiżi oħra. Żied li dan il-post għar-riċerkaturi se jkun ukoll esperjenza miftuħa għall-pubbliku

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li l-Gvern jinsab impenjat biex jgħolli l-livell tal-għajxien ta’ Malta. Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li dan it-trasferiment ta’ art għal istituzzjoni importanti bħall-Arkivji Nazzjonali huwa investiment b’risq l-ambjent, il-kultura u l-poplu Malti.

Dan wara li Newsbook.com.mt ftit tax-xhur ilu żvela li l-Awtorità tal-Ippjanar marru Ta’ Qali sabiex ineħħu l-muntanja skart tal-kostruzzjoni għoli sular li kien ilu jinġema’ għal diversi xhur. Din il-binja li se tkun parti mill-art tal-proġett tal-Malta National Park f’Ta’ Qali li se jkun fuq medda ta’ 450,000 metru kwadru f’art pubblika.

Ara: Filmat: Il-PA tneħħi l-iskart f’Ta Qali; il-Pulizija għad iridu jwieġbu

Ara: Ritratti: Rimi illegali f’Ta’ Qali: Il-PA taġixxi; il-Pulizija le

Ara: Filmat: Ferneżija ta’ rimi illegali f’Ta’ Qali