MUŻA jirrappreżenta l-inkompetenza tal-Ministru Bonnici – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-mużew MUŻA spiċċa binja rappreżentattriċi tal-inkompetenza tal-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici. Therese Comodini Cachia, il-kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Kultura u l-Identità Nazzjonali, qalet li l-inkompetenza ta’ Bonnici kif ukoll tal-Prim Ministru fis-settur kulturali u l-arroganza politika qegħdet f’periklu teżori nazzjonali.

Cachia qalet li għalkemm Bonnici jiftaħar bis-sistema li tikkontrolla l-arja f’MUŻA, qed ikompli jinjora l-pariri ta’ esperti li kemm-il darba wissewh dwar ir-riskji li kien qed ipoġġi fihom parti mill-kollezzjoni artistika nazzjonali.

Aktar kmieni llum kien għadu għaddej xogħol strutturali, inkluż it-tqegħid ta’ travi tal-ħadid. Skont Cachia, l-esperti fis-settur tal-kultura mhux jemmnu l-iskuża tal-Ministru, iġifieri li kien hemm moffa żgħira u m’hemm xejn kbir u urġenti.

Skont l-istqarrija, l-Oppożizzjoni qed titlob garanzija mingħand il-Ministru kkonċernat li ma saret ebda ħsara fuq l-arti li tneħħiet mill-mużew u fuq il-bqija tal-arti li għadha ġewwa MUŻA.