Awdjo: Inċident Ħamrun: “Għadni maħsuda; nappella biex in-nies ma jaqsmux bl-addoċċ” – sewwieqa

Dalgħodu mutur laqat mara u minorenni fil-Ħamrun. Il-mara ttieħdet l-isptar b’ambulanza u rriżulta li sofriet minn ġrieħi ħfief. Is-sewwieqa tal-mutur tkellmet ma’ Newsbook.com.mt u qalet li hi għadha xxukkjata b’dak li ġara, peress li hi ppruvat tevita dan l-inċident.

Kelliem għall-Pulizija informa lil Newsbook.com.mt li l-inċident ġara fl-10.15am fi Triq il-Kbira San Ġużepp. Jidher illi s-sewwieqa tal-mutur ippruvat ma tidħolx fiż-żewġ persuni, iżda ma rnexxilhiex, u laqtet lill-mara tant li din kellha tittieħed l-isptar.

Is-sewwieqa tal-mutur hija mara ta’ 37 sena minn Ħal Balzan. Il-mara li kienet miexja u ttieħdet l-isptar hija Ħamruniża ta’ 52 sena.

Is-sewwieqa qalet li kienet għaddejja mit-triq prinċipali tal-Ħamrun bi 30 kilometru, u malli lemħet lil mara u tifel jaqsmu, paqpqet u għafset il-brejk, u qasmet fuq il-lemin, tant li kienet fil-periklu li tibqa’ dieħla karozza fiha, iżda b’xorti ħażina, xorta laqtithom.

Il-mara, li taħdem bħala paramedika, qalet li hi ċemplet l-ambulanza mill-ewwel, avolja ż-żewġ persuni qamu minn mal-art, filwaqt li hi kellha bżonn l-għajnuna biex tqum peress li l-mutur kien waqa’ fuqha. L-ewwel ma marru l-isptar kienu l-mara u t-tifel, peress li t-tifel jieħu preċedenza. Hi marret b’ambulanza oħra u rriżulta li lwiet sieqha, l-irkoppa u ħadet skoss f’għonqha u f’daharha wkoll.

L-aħħar appell tagħha kien biex in-nies joqogħdu b’seba’ għajnejn meta jaqsmu, għax faċilment jista’ jiġi evitat inċident b’dak il-mod. Hija ttamat li l-mara u t-tifel involuti fl-inċident ma jdumux ma jħossuhom aħjar.