Mutur-bomba fil-Libanu joqtol negozjaturi f’taħdidiet dwar ħelsien ta’ priġunieri

Bomba moħbija f’mutur fil-Libanu ħalliet mill-inqas sitt persuni mejta u diversi midruba.
Il-mutur tqiegħed barra uffiċċju, fil-belt żgħira ta’ Arsal qrib il-fruntiera Sirjana, fejn kienu qed jiltaqgħu akkademiċi Musulmani.
Hu mifhum li dawn kienu qed jippruvaw jinnegozjaw il-ħelsien ta’ mill-inqas 25 uffiċjal tas-sigurtà Libaniża, li iktar minn sena ilu nħatfu minn militanti ġiħadisti fis-Sirja, affiljati mal-al-Qaeda, u minn membri tal-Istat Iżlamiku.
Il-gruppi terroristiċi qed jinsistu li l-awtoritajiet Libaniżi jeħilsu lil priġunieri membri tagħhom u dan l-aħħar qatlu erba’ priġunieri biex iżidu l-pressjoni fuqhom.