Musulmani li ddesagraw statwa ordnati jitgħallmu talb mill-Koran dwar il-Madonna

Tliet żgħażagħ Musulmani li nstabu ħatja mill-Qorti li ddesagraw statwa tal-Madonna kienu ordnati minn Imħallef fil-Libau biex jitgħallmu bl-amment passaġġi mill-Koran li jfaħħaru lill-Madonna, Omm Alla.
L-akkużati, li jgħixu f’villaġġ fejn kważi kulħadd hu Nisrani, kienu arrestati mill-Pulizija wara li xandru filmat tagħhom infushom, jiddesagraw l-istatwa.
Is-sentenza kontrihom ingħatat fit-8 ta’ dan ix-xahar u fis-sentenza tagħha l-Imħallef Jocelyn Matta, wara li sabithom ħatja, ordnatilhom biex jitgħallmu bl-amment versi mill-Kapitlu “Al Imran” mill-Koran, li jiddeskrivi t-twelid tal-Madonna, il-Verġinità tagħha u t-tħabbir tal-konċepiment ta’ Ġesù mill-Anġlu Gabriel.
L-Imħallef waqt li kienet qed taqra s-sentenza f’qorti fi Tripli sostniet li d-deċiżjoni tagħha kienet maħsuba biex tgħallem liż-żgħażagħ ir-rispett u l-imħabba li l-Iżlam għandu lejn il-Madonna.
Rouphael Zgheib, qassis Maronita, li hu d-Direttur Nazzjonali tas-Soċjetajiet Missjunarji Pontifiċi fil-Lianu, tkellem dwar din is-sentenza u sostna li “L-Imħallef irrealizzat li ż-żgħażagħ ma kienu jafu xejn dwar il-Koran għalkemm huma Musulmani, u għażlet dik it-tip ta’ sentenza biex tgħallimhom jirrispettaw ir-reliġjon tagħhom stess u reliġjonijiet oħra li mhumiex l-Iżlam”.
Wera sodisfazzjon għal din is-sentenza u feraħ lill-Imħallef għat-tagħlima lil tat bil-ġudizzju tagħha.