Musulmani fil-periklu tal-mewt isibu kenn f’Katidral fl-Afrika Ċentrali

Dun Yovane Cox, missjunarju Ċilen li qed jaħdem fir-Republika tal-Afrika Ċentrali, mill-post fejn qed jistaħba kkuntattja aġenzija tal-Aħbarijiet Kattoliċi u għamel appell urġenti għat-talb.
“Il-Katidral f’Bangassou qed ikun attakkat. Is-sitwazzjoni hi kritika ħafna għax għalkemm kien avżat li se jkun attakkat, il-Forza għaż-Żamma tal-Paċi tan-Nazzjonijiet Magħquda li hi inkarigata mis-sigurtà fil-pajjiż, baqgħet m'għamlet xejn. Donnhom iridu jaraw massakru jseħħ fil-Katidral fejn qed jingħataw kenn numru ta’ Musulmani”, qal is-saċerdot Ċilen.
F’Mejju li għadda madwar 2,000 Musulman sabu kenn fis-seminarju minuri tad-Djoċesi ta’ Bangassou u sal-lum, nofshom għadhom jgħixu hemm.
“Il-post hu mdawwar minn irġiel armati, jittamaw li xi Musulman jiftaċċa fit-triq biex joqtluh”, spjega l-missjunarju. Qal li dawn in-nies qed jgħixu f’kundizzjonijiet mill-agħar. ‘Xi Musulmani jippruvaw joħorġu jfittxu l-ħatab u oħrajn ifittxu l-ikel minn djar li sfaw abbandunati fl-inħawi”.
Raġel Musulman inqabad minn dawn ir-ribelli li qatluh fil-post. Dan wassal għal biża’ kbir fost il-Musulmani u li ma kienx għal xi suldati mill-Kamerun li intervjenew, is-sitwazzjoni kienet tkun aktar drammatika.
Is-saċerdoti tal-lokal ma jistgħu jagħmlu xejn u qed jistennew li minn ħin għal ieħor ir-ribelli jidħlu fis-seminarju u ma jżommhom ħadd.
Fr. Yavone qal li “Bis-silenzju tal-awtoritajiet u n-nuqqas ta’ azzjoni fil-Forzi tan-Nazzjonijiet Magħquda, qed jistiednu li jkun hemm konfrontazzjoni bejn iż-żewġ gruppi li tispiċċa f’ħafna tixrid ta’ demm. Kulma qed nitolbu hu li jneħħu lir-ribelli mill-post għax hekk biss jistgħu jkunu salvati l-Musulmani li fadal, li fil-parti l-kbira tagħhom huma nisa u tfal”.
“Ninsabu f’sitwazzjoni fejn ħadd m’għandu kontroll, la l-Gvern, la n-Nazzjonijiet Magħquda u lanqas l-awtoritajiet lokali, u wisq anqas aħna fil-Knisja Kattolika li hi l-unika entità li baqgħet fil-post biex toffri l-għajnuna li tista’", sostna l-missjunarju.
L-Insara qed jibqgħu moħbija għax jibżgħu jiltaqgħu fil-knejjes, u għall-quddiesa tal-Ħadd ma jattendux aktar minn 15-il persuna.