Awdjo: Musical f’Għawdex għal Puttinu Cares

L-Għaqda volontarja Helping Hands se tkun qed itella’ l-musical “Joseph and the Amazing Technicolor Dreamcoat” bil-għan li jinġabru fondi għal Puttinu Cares.
Il-musical se jittella’ fl-Oratorju ta’ San Ġwann Bosco tar-Rabat ta’ Għawdex nhar is-Sibt 29 u l-Ħadd 30 ta’ Marzu.
F’intervista, is-surmast Joseph Grech spjega li barra l-musical, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn spettaklu ta’ dwal, żfin u kant minn kantanti stabbiliti Maltin u Għawdxin.
Fost il-kantanti stabbiliti se jkun hemm Ludwig Galea fil-parti prinċipali u fil-parti tan-narratur se jkun hemm Pamela Bezzina. Ma’ dawn se jkanta kor kbir tat-tfal u l-bqija tal-cast li jammonta għal 160 ruħ.
Is-Surmast Grech spjega li kull sena tintgħażel għaqda biex tibbenefika mill-qligħ. Din is-sena b’mod unanimu ntgħażel Puttinu Cares.
Fl-aħħar sbatax-il sena, minn attivitajiet simili, Helping Hands ġabret ‘il fuq minn €15,000.
Min jixtieq jattendi dan il-musical b’għan nobbli, jista’ jċempel fuq 99421611 jew 79421611 jew imur l-Oratorju Don Bosco.
L-intervista mas-surmast Joseph Grech ixandret fuq il-programm “Baħar Jaqsam” li jixxandar nhar ta’ ġimgħa fuq RTK.