Musical dwar il-Prinċipessa Diana fi Broadway

Ritratt: Il-parti tal-Prinċipessa Diana ngħatat lil Jeanna de Waal

Musical fuq palk  ta’ Broadway dwar il-Prinċipessa Diana se jibda jittella’ s-sena d-dieħla. Bl-isem sempliċi ta’ Diana, l-ispettaklu se jkun reklamat bħala l-istorja  ta’ mara li ‘ċaqilqet lill-Irjali’ billi għażlet li ma tibżax u b’riżultat ta’ hekk saret mara ta’ kull żmien.

Il-mużika kkomponiha David Bryan, il-pjanista ta’ Bon Jovi, li rebaħ żewġ Tony Awards għall-ispettaklu Memphis fl-2010.

Il-parti prinċipali ngħatat lil Jeanna de Waal li fuq il-palk fi Broadway dehret diġà f’American Idiot u Kinki Boots on Broadway. L-attriċi qalet li l-Prinċipessa Diana għamlet lil kulħadd iħossu speċjali, mill-ogħla persuna sa l-aktar persuna umli. “Għalhekk nagħmlu sewwa li niċċelebraw ħajjitha,” tenniet l-attriċi. L-attur Roe Hartrampf se jaħdem il-parti tal-Prinċep Charles.

Fost il-kanzunetti li jinstemgħu waqt Diana hemm Snap, Click dwar il-paparazzi li kienu jfittxu l-passi tal-Prinċipessa kulfejn tmur; Welcome to the Windsors; Here Comes James Hewitt, li kien uffiċjal fil-kavallerija li kellu affari magħha u Secrets and Lies.

L-ispettaklu jibda fit-Teatru Longacre fit-2 ta’ Marz 2020 u imma l-ftuħ uffiċjali tal-wirjiet ikun fil-31 ta’ Marzu.

Diana, il-Prinċipessa ta’ Wales, kienet mietet traġikament f’Pariġi fil-31 ta’ Awwissu 1997.