Muscat u politiċi tal-UE bi pjan Ewropew; Farrugia tikkritikah

Marlene Farrugia kkritikat l-endorsjar ta’ Joseph Muscat ta’ editorjal mill-politiċi Ewropej li deher fuq numru ta’ gazzetti Ewropej, fosthom Times of Malta, li jiddeskrivi l-viżjoni li għandhom għall-Unjoni Ewropea.

Skont dak li kitbet fuq Facebook il-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku, dan l-artiklu kien ikun ta’ tama fil-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea, li kieku isem il-Prim Ministru Malti ma kienx fil-lista ta’ kontributuri.

Il-messaġġ tal-politiċi Ewropej

F’dan l-artiklu, il-politiċi tal-UE ddiskutew il-viżjoni tagħhom għall-Unjoni Ewropea u l-metodu li għandhom jużaw biex iwettquha. Qalu li jeħtieġ li l-Ewropa tieħu nifs ġdid, biex tkun ta’ sodisfazzjon għaċ-ċittadini tagħha u titwettaq il-wegħda li saret meta nħolqot l-UE.

Huma insistew li minkejja d-diffikultajiet kollha li qed taffaċċja l-Ewropa bħalissa, ewlenin fosthom il-klima u l-immigrazzjoni, il-wegħda Ewropea għadha hemm, sempliċiment għadha fil-limbu.

Il-pjan tagħhom huwa wieħed u huwa ċar, qalu l-politiċi: huma ma jaqblux mal-“tindif” li jrid Matteo Salvini jew mit-tneħħija tal-Iżlam li jridu l-AfD fil-Ġermanja, imma minflok qegħdin jinsistu fuq il-valuri ewlenin tal-UE: il-paċi, il-libertà, il-prosperità u s-solidarjetà. Huma sejħu għal rispett lejn is-Saltna tad-Dritt u lejn l-istituzzjonijiet demokratiċi.

Il-politiċi żiedu jgħidu li huma lesti jbiddlu t-trattati jekk hemm bżonn, imma jeħtieġ li jegħlbu l-ostakli u jsaħħu l-Ewropa, fi żmien 8 xhur, qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

L-oġġezzjonijiet ta’ Farrugia

Farrugia kkritikat il-fatt li m’hemmx mara fost dawk li ffirmaw dan l-editorjal. Imbagħad, tat lista ta’ numru ta’ skandli li qegħdin jiġru f’Malta, li jmorru kontra din il-viżjoni li qegħdin isemmu tal-UE. Hija appellat lill-politiċi tal-UE biex ineħħu lil dawk li qed iwaqqgħu l-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea bl-ipokresija u l-korruzzjoni tagħhom, referenza għall-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-lista ta’ akkużi ta’ Farrugia kontra Muscat tinkludi l-eluf ta’ ħaddiema barranin li jiġu sfruttati u l-fatt li istituzzjonijiet statali huma mimlija “pupazzi tal-Gvern.” Żiedet tgħid li l-Ewropa ta’ Muscat hi waħda fejn ġurnalista li qed tinvestiga l-korruzzjoni tal-Gvern tinqatel brutalment u fejn it-tim tal-investigazzjoni huwa mmexxi mir-raġel ta’ ministru.

Dawk li ffirmaw

Dan l-editorjal ġie ffirmat mill-Kap tal-ALDE Guy Verhofstadt, Christophe Castaner, il-mexxej tal-moviment La République En Marche ta’ Emmanuel Macron, mill-eks Prim Ministru Taljan Matteo Renzi, mill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, mill-mexxej Spanjol ta’ Ciudadanos Albert Rivera, mill-eks Prim Ministru Rumen Dacian Cioloș, mill-politiku MR Belġjan Olivier Chastel mill-mexxej tad-Demokratiċi 66 Olandiżi, Alexander Pechtold. L-editorjal ġie ppubblikat f’Times of Malta, f’The Guardian, f’El País u Libération.