Joseph Muscat u Konrad Mizzi qed iwaħħlu f’xulxin minħabba t-trasferiment tal-art tal-ITS lid-DB Group, skont l-għaqda Repubblika.
Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet li għandha ssir inkjesta pubblika li tiddetermina min ħa d-deċiżjonijiet marbutin mal-għoti tas-sit fil-Bajja ta’ San Ġorġ u għalfejn.
Ilbieraħ l-Awditur Ġenerali esprima d-dubji tiegħu dwar ir-regolarità tat-tender maħruġ minn Projects Malta biex il-Gvern ibiegħ is-sit li qabel kien tal-ITS lill-grupp DB.
“Il-Prim Ministru Robert Abela ma jistax jibqa’ ċass quddiem l-inkwiet serju li l-Awditur Ġenerali qajjem dwar it-trasferiment ta’ art pubblika ġewwa Pembroke lid-DB Group,” qalet Repubblika.
“Jeħtieġ li l-Pulizija tinvestiga s-suspetti ta’ korruzzjoni. U jeħtieġ li l-art tintradd lura lill-pubbliku Malti. Dan ir-rapport kixef manuvri skandalużi. Għalina huwa skandaluż li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tat-Turiżmu taw rendikonti li ma jaqblux lill-Awditur Ġenerali.”
L-attivisti qalu li huwa skandaluż kif l-Awditur Ġenerali ma rnexxilux jsib min ħa d-deċiżjoni politika dwar l-għoti tal-art.
“L-Awditur Ġenerali kellu jirraporta li ma ingħatax dokumenti dwar in-negozjati li għaddew,” qalet Repubblika.
Repubblika qalet li l-PM Robert Abela issa jew se jissieħeb fil-ħmieġ ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi jew jagħmel dmiru.
“Robert Abela ma jistax jinqeda bil-COVID-19 biex jaħbi dan il-ħmieġ”, temmet tgħid Repubblika.
L-Awditur Ġenerali esprima d-dubji tiegħu dwar ir-regolarità tat-tender maħruġ minn Projects Malta biex il-Gvern ibiegħ is-sit li qabel kien tal-ITS lill-grupp DB.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ppubblika r-rapport li fih indika li Projects Malta naqset milli ġġib l-awtorizzazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti qabel ħarġet is-sejħa għall-proposti f’Novembru 2015 għad-disinn, il-bini u l-operat ta’ żvilupp turistiku fuq is-sit li kien okkupat mill-ITS.