“Muscat u Fearne qed jaħbu l-verità dwar il-Vitals”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat, u l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne għandhom informazzjoni dwar x’ġara dwar il-Vitals Global Healthcare, li qed jirrifjutaw li jaqsmu mal-poplu.
Hu qal dan fid-diskors tiegħu waqt laqgħa politika fil-Belt Valletta.
Delia għamel referenza għall-mistoqsijiet li saqsa kemm lill-Prim Ministru kif ukoll lill-Ministru għas-Saħħa dwar x’ġara mill-ftehim bejn il-Gvern u l-Vitals, u għaldaqstant qal li dejjem irrifjutaw li jagħtu tweġiba.
Delia saqsa kif jista’ wieħed jagħti €60 miljun lil xi ħadd li ma jafx u insista li l-Gvern mhux qed jgħid il-verita fuq l-arranġamenti li kienu saru mal-Vitals.
Huwa kompla billi poġġa serje ta’ mistoqsijiet dwar fejn marru is- €60 miljun, min hemm wara l-kumpanija ta’ Vitals u għalfejn il-Gvern qed jittrattahom daqslikieku kienu ta’ ġewwa.
Għaldaqstant huwa qal li l-Gvern naqas milli jagħmel dak li hu sew u ġust mal-Għawdxin.
“Il-poplu inkwetat dwar il-kriminalità; m’hemmx il-fiduċja fil-korp”
Filwaqt li rrefera għall-istatistika mir-rapport tal-Eurobarometer li tgħid li 45% tal-poplu Malti u Għawdxi huwa inkwetat fuq il-kriminalità, Delia saħaq li dan huwa kollu tort tal-fatt li m’għadx hemm fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.
Huwa nsista li l-Korp Malti huwa fost l-ifqar fl-Ewropa għax mhux isir biżżejjed investiment, filwaqt li jgħid li l-korp huwa wkoll fost l-inqas imħallas.
Delia rrimarka li hekk kif il-poplu m’għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija, hemm bosta anzjani li jibżgħu f’darhom stess, filwaqt li lokalitajiet fejn it-tfal lanqas biss qed jiġu afdati jilagħbu fit-toroq.
 “M’hemmx pjan għall-immigrazzjoni”
B’aktar referenzi għall-istatistiċi li dehru fil-Eurobarometer, Delia rrimarka li 32% tal-Maltin u l-Għawdxin huma inkwetati fuq l-immigrazzjoni.
Huwa qal li dan mhux għax razzisti iżda għax f’dawn l-aħħar tliet snin, ġew mal-31,000 persuna jaħdmu Malta minn barra. Nies li skontu qed jikkompetu maċ-ċittadini lokali fid-dinja tax-xogħol.
Delia kompla jgħid kif minħabba n-numri kbar ta’ immigranti li qed jgħixu u jaħdmu Malta, l-oqsma tal-propjetà raw influss kbir fil-prezzijiet tal-kiri. Fejn qabel kont tikri post b’€350, issa l-prezz tela’ għal aktar minn €700, prezz li huwa impossibli li wieħed iħallas speċjalment jekk qiegħed fuq paga minima.
Huwa kompla billi qal kif il-Gvern Laburista suppost huwa wieħed soċjalista, iżda madanakollu jgħid li mhu qed jagħmel xejn għal min hu fqir.
“Delia qed ikun populist u rigressiv” – PL
B’reazzjoni għad-diskors ta’ Delia, il-Partit Laburista saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed ikun “populist u rigressiv” għax qed jikkritika biss u ma jgħid xejn fuq dawk ta’ madwaru li mhux qed jgħixu l-valuri li qed isemmi Delia.
Hawnhekk il-Partit Laburista għamel referenza għal Beppe Fenech Adami.
B’referenza għal dak li qal Delia meta nsista li l-PN ma jitlef qatt għax għandu valuri sodi, il-PL saħaq li huwa l-poplu Malti u Għawdxi li jħaddan valuri b’saħħithom u għalhekk jagħżel hu lil min jafda biex dawn il-valuri jimxu ‘l quddiem.