Muscat u Delia jiddibattu qabel l-elezzjonijiet

L-abort, ir-razziżmu u l-qerda ambjentali kienu fost it-temi li ġew diskussi fit-tieni dibattitu bejn il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Id-dibattitu kien it-tieni wieħed bejn il-mexxejja tul din il-kampanja elettorali u li kien organizzat mill-Awtorità tax-Xandir. Kien hemm ukoll opportunità ta’ dibattitu ieħor fuq il-programm Xarabank iżda Muscat ma aċċettax l-invit.

‘Il-PN favur il-ħajja… il-PL… min jaf?’ – Delia

Waqt id-dibattitu, Delia sostna li l-Partit Nazzjonalista kien ta lill-Kunsilli Lokali responsabbilitajiet li ftit ftit qed jitnaqqru mill-Partit Laburista fil-Gvern. Delia tkellem ukoll dwar il-fondi Ewropej li Malta bbenefikat minnhom wara li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien innegozja €1,200 miljun għall-pajjiż.

Delia saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa favur il-ħajja filwaqt li l-Partit Laburista jagħmel parti mill-familja politika li fil-manifest tagħha hi favur l-abort. Huwa sostna li l-Partit Laburista appoġġa dan il-manifest. Kompla jgħid li l-Partit Laburista mhuwiex ċar fuq din il-kwistjoni filwaqt li qed jappoġġja manifest li huwa favur l-għażla fejn jidħol l-abort. Skont Delia l-Partit Nazzjonalista għamel diversi proposti li huma effettivi anki fuq livell nazzjonali.

Il-PN tilef ruħu – Muscat

Fl-intervent tiegħu Muscat saħaq li l-Partit Laburista qed jiffoka fuq dawk l-affarijiet li jgħaqqdu lil Malta. Huwa qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qed joħloq diviżjoni fejn ma teżistix dwar il-kwistjoni tal-abort. Muscat argumenta li l-Partit Nazzjonalista tilef ruħu u qal li l-intenzjoni tal-Partit Nazzjonalista huwa li jbeżża’ meta jitkellem dwar l-immigrazzjoni u l-barranin.

Muscat tkellem ukoll dwar il-manifest tal-Partit Laburista għal dawn l-elezzjonijiet u qal li huwa bbażat fuq tliet kriterji dak tal-infrastruttura, innovazzjoni u inklużjoni.

Naqsu n-nies f’riskju ta’ faqar – Muscat

Muscat tkellem dwar il-faqar f’Malta u qal li naqas l-ammont ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar. Huwa qal ukoll li l-ammont ta’ persuni li ma jiefqu mill-iskola kmieni wkoll naqsu. Huwa tkellem ukoll fuq il-pensjonijiet u qal li sakemm il-Partit Laburista jibqa’ fil-Gvern dawn se jkomplu jiżdiedu. Muscat tkellem ukoll dwar il-paga minima.

‘L-ekonomija tibenefika dawk li diġà għandhom’ – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-ekonomija għalkemm qed tikber din mhux tasal għand kulħadd, b’ħafna qed iħossu li qed imorru lura. Huwa sostna li filwaqt li hemm min qed isir iktar sinjur ħafna qed iħossu l-piż tal-ispejjeż u l-għoli tal-ħajja. Delia sostna li l-ekonomija tibbenefika lil dawk li għandhom il-flus filwaqt li timmulta lil dawk li ma għandhomx. Tkellem ukoll fuq it-tniġġis u saħaq li dan huwa l-agħar fl-Ewropa. Kompla jgħid li s-soluzzjoni mhix li jitwessgħu t-toroq iżda li jiġu kkunsidrati sistemi tat-trasport b’mod attiv.

Delia saħaq li mhux vera li ma għadtx hemm kjuwijiet fl-isptar filwaqt li qal li l-pensjonanti qed jonfqu medja ta’ €120 minn buthom fuq mediċini li suppost għandu joffri l-gvern.

Razziżmu

Meta ċ-Chair tad-dibattitu staqsa dwar ir-razziżmu l-ħaddiema barranin f’Malta, Delia tkellem fuq il-qtil tar-raġel mill-Kosta tal-Ivorju, Lassana Cisse Souleymane u sostna li dan għandu jittieħed f’kuntest. Huwa spjega li kien hemm kritika qawwija mill-Ombudsman għal mod kif ġew ingaġġati n-nies kif ukoll il-proċess li bih ingħataw l-promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta’ Malta.

Delia oġġezzjona għall-kummenti li saru kienu qed jinċintaw razziżmu filwaqt li argumenta li d-diskors li ntuża’ dwar il-pushbacks wassal għal din l-attitudni mhux l-argumenti li saru fuq il-ħaddiema barranin. Huwa sostna li għandha tinġarr responsabbilità politika fil-każ ta’ Cisse.

L-ambjent u l-kwalità tal-ħajja

Skont Muscat l-kwalità tal-arja itjiebet meta Malta qalbet għall-gass. Delia minn naħa tiegħu qal li huwa kuntent li kkonvinċa lill-Prim Ministru dwar il-bżonn ta’ pjan għall-ambjent u l-iżvilupp. Delia osserva li filwaqt li Muscat jgħid li jrid arja nadifa, ix-xjentisti qegħdin jgħidu li l-kwalità tal-arja f’Malta marret lura.