Muscat u Delia għandhom iċedu posthom – Partit Demokratiku

Il-Partit Demokratiku (PD) qed isejjaħ għar-riżenja kemm tal-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Fi stqarrija, il-PD qal li bl-assassinjui tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, id-demokrazija f’Malta ġiet mhedda u ddgħajfet.
Skont il-PD, dan kien “qtil politiku” peress li l-klima politika ppermettiet fost oħrajn nuqqas ta’ governanza tajba, korruzzjoni, nuqqas tas-saltna tad-dritt, tnawwir tal-istituzzjonijiet, u l-ippremjar fil-beraħ ta’ min jagħmel il-ħażen. Fi kliem il-PD, din ir-responsabbiltà politika għandu jġorrha l-Prim Ministru.
Fl-istqarrija, il-partit jgħid li nnota li dan id-delitt sar f’mument magħżul, peress li Daphne Caruana Galizia kienet għaddejja minn żmien fejn kellha l-inqas popolarità minħabba l-assassinju tal-karattru tagħha minn żewġ mexxejja ta’ partiti politiċi kbar.
Il-PD saħaq li fost affarijiet oħra:

  • Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Awditur Ġenerali għandhom jirriżenjaw u jinħatru oħrajn b’ approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra
  • Tidħol fis-seħħ il-Liġi tal-Istandards tal-Ħajja Pubblika
  • Tissejjaħ Konvenzjoni dwar ir-Riformi Kostituzzjonali

Ritratt: Arkivji