Muscat u Delia bi dmugħ tal-kukkudrilli għall-qtil ta’ Lassana – Cassola

Read in English.

Il-kandidat indipendenti għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Arnold Cassola qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia bkew dmugħ tal-kukkudrilli għall-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane. Allegatament, huwa inqatel minn żewġ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Fi stqarrija wara li ntemm il-proċess tal-votazzjoni ta’ dawn l-elezzjonijiet, Cassola qal li huwa t-tort ta’ Muscat u Delia li hawn klima ta’ razziżmu. Qal li dan għaliex ippreżentaw kandidati razzisti għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Cassola qal li kien hemm persuna min-naħa tal-PL li fil-passat ippropona servizz separat tat-trasport pubbliku għall-immigranti. Qal li issa qed jikkontesta l-elezzjonijiet tal-MEPs.

Cassola qal ukoll li mill-PN kien hemm persuna li tkellem dwar kif l-immigranti qed jieħdu f’idejhom ħwienet fil-Marsa u fil-Ħamrun. Qal li issa qed jikkontesta l-elezzjonijiet tal-MEPs.

Cassola qal li Muscat u Delia kellhom għalfejn jistħu.