Muscat u Conte fl-aħħar jiltaqgħu

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, skont l-Uffiċċju tal-PM.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li laqgħa kienet waħda “privata” u li saret fl-uffiċċju ta’ Conte f’Palazzo Chigi.

L-OPM qal li din kienet l-aħħar żjara ta’ Muscat lil Conte qabel itemm il-kariga tiegħu.

Skont l-OPM matul l-laqgħa Muscat u Conte “ħadu rendikont tar-relazzjonijiet tajbin ħafna bejn iż-żewġ pajjiżi”.

Il-Ħamis, Newsbook.com.mt irrapporta li Conte ħassar il-laqgħa infurmali mal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat li kienet ippjanata għall-bieraħ f’Ruma. Kelliem għall-Gvern Taljan ikkonferma li l-laqgħa tħassret bir-raġuni uffiċjali tkun minħabba impenji ġodda tal-aħħar ħin għall-Prim Ministru Conte.

Muscat kien irtira fl-aħħar minuta milli jipparteċipa fil-konferenza Mediterranean Dialogues (MED) f’Ruma. Din hija attività annwali high-level li tingħata promozzjoni mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Italja.

Dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mal-mara tiegħu u membri oħra tal-familja kellhom udjenza privata mal-Papa.