Ritratti: Muscat u Busuttil jippakkjaw l-ikel għat-tfal fil-bżonn

Aġġornata 16:05
Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil dalgħodu żaru l-maratona "Oħloq Tbissima" fejn minbarra li attendew, xammru kmiemhom biex jgħinu f'din il-kawża ġusta.
Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li dan huwa eżempju ta’ kemm “meta naħdmu flimkien, kemm iktar jitla’ xogħol.” Min-naħa tiegħu, Simon Busuttil faħħar din l-inizjattiva għax qal li filwaqt hija kawża Maltija, il-frott tagħha jixxerred mal-erbat irjieħ tad-dinja. 
F’mument minnhom il-preżentattriċi Marthese Brincat staqsiethom jekk jikkunsidrawx li jagħmlu esperjenza missjunarja mas-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl.  Il-Prim Ministru semma li hi ħaġa li martu Michelle Muscat tixtieq li jagħmlu, iżda hekk kif għad għandhom it-tfal żgħar u bl-impenji tagħha s’issa għadhom ma waslux għaliha. 
Minn naħa tiegħu Dr Busuttil, li kien akkumpanjat ukoll minn Kristina Chetcuti, qal li hu u Kristina jagħmlu voluntarjat lokalment imma ma jeskludix il-possibilta’ li jasal il-mument għal dan.
Brincat qaltilhom li meta jiġi organizzat grupp biex jitla’ jagħmel esperjenza missjunarja joffrulhom li jingħaqdu magħhom.
Din il-maratona ta' 60 siegħa hija mtella' miċ-ĊAM Productions International fi ħdan is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl. Din bdiet ilbieraħ f’nofsinhar u ġiet inawgurata mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.
L-għan ta’ din il-maratona hu li titqajjem kuxjenza missjunarja, filwaqt li jinġabru fondi b’risq il-missjonijiet fi ħdan is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl fil-Peru, fil-Filippini u fil-Pakistan, kif ukoll f’Malta.  
Hawn Malta l-MSSP tmexxi d-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera, li tilqa’ fiha subien li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jgħixu fil-familja naturali tagħhom.   Hemm ix-xewqa li jsir xi tibdil f’xi kmamar ħalli jinbidlu f’appartament żgħir sabiex il-ġuvintur li jgħalqu 16-ilsena jkunu jistgħu jkunu ftit aktar indipendenti, filwaqt li xorta waħda jkollhom min jieħu ħsiebhom u jiggwidhom.
Min jixtieq jagħti d-donazzjoni jista’ jċempel fuq:  
€10           51602004
€15           51702007
€25           51802009
SMS €4.66 50618099
Jistgħu ukoll isiru donazzjonijiet online fuq www.ohloqtbissima.com
Ritratti: Oħloq Tbissima