Sejħiet għar-riżenja ta’ Muscat, Mizzi u Schembri

L-avukat Franco Debono sostna li issa, l-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab “b’dahru mal-ħajt u f’xifer l-irdum u se jipprova jarmi, jeħles u jiddistakka ruħu minn xi wħud qrib tiegħu.”

Debono qal dan permezz ta’ messaġġ fuq Facebook wara li dalgħodu seħħ l-arrest ta’ Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black u d-Direttur tal-Power Station tal-Electrogas f’Malta. Minkejja li għadu mhux uffiċjalment magħruf jekk Fenech ġiex arrestat b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, dan l-arrest ġie wara li lbieraħ il-Prim Ministru nniffsu ħabbar ir-rakkomandazzjoni ta’ maħfra presidenzjali għal raġel li serva bħala s-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan bil-patt u l-kundizzjoni li r-raġel jagħti l-informazzjoni kollha sabiex jissolva l-każ.

Assassinju Daphne: Il-PM jirrakkomanda maħfra presidenzjali

Fl-messaġġ tiegħu, Debono sostna li Muscat mhux qed jirrealizza li issa ma jista’ jkeċċi lil ħadd. Irrimarka li Muscat issa huwa responsabbli għal ta’ madwaru, ladarba hu kien li poġġihom hemm, hu jrid jirrispondi għalihom. Insista li jekk se jipprova jkeċċi lil xi ħadd minnhom, irid jitlaq magħhom hu wkoll.

Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qed jgħidu li isem Yorgen Fenech issemma’ fil-konverżazzjonijiet li kellhom il-Pulizija mar-raġel li qed jingħad li huwa s-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Muscat għandu jirriżenja biex issir ġustizzja” – Busuttil

L-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, inqabad iħallas €5,000 kuljum liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi. Dr Busuttil saħaq li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru mhix tenibbli u li għandu jirriżenja issa biex issir ġustizzja.

Minn naħa tiegħu, l-MEP Nazzjonalista David Casa qal li fl-aħħar ġie arrestat ir-raġel implikat fir-rapport tal-FIAU dwar il-kumpanija 17 Black. Tenna li l-pożizzjoni ta’ Muscat m’għadhiex tenibbli u li għandu jirriżenja.

“Gasan u Siemens kuntenti?” – Cassola

Minn naħa tiegħu, l-Eks Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika Arnold Cassola, stqarr li l-ewwel mistoqsijiet li wieħed għandu jistaqsi huma ta’ min hi Macbridge u jekk Gasan u Siemens humiex kuntenti li jkunu sħab ma’ “possibilment qattiel”. “Aħna l-Maltin kuntenti li l-provvista tal-enerġija tal-pajjiż qiegħda f’idejn possibilment qattiel?”  Temm billi rringrazzja lill-investigaturi u lill-ġurnalisti inkwiżattivi.

Il-politiċi li talbu favuri lil Fenech għandhom jitilqu issa” – PD

Il-Partit Demokratiku stqarr li l-uffiċjali kollha tal-Gvern u l-Oppożizzjoni li talbu favuri lil Yorgen Fenech, għandhom jitilqu issa. Semma lil Keith Schembri u Konrad Mizzi u li “jekk Joseph Muscat jibqa’ jipproteġi lil dawn in-nies, nafu fuq liema naħa hu”. Il-PD qal li Keith Schembri u Konrad Mizzi fittxew li jagħmlu “negozju” ma’ Yorgen Fenech permezz ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama u f’Dubaj, filwaqt li l-Gvern tagħhom innegozja kuntratt ta’ miljuni ta’ ewro ma’ Yorgen Fenech.  Saħaq li l-Pulizija jridu jkunu ħielsa minn kull influwenzi u reġa’ fakkar li l-Ambaxxata Amerikana diġà offriet biex tgħin.

“Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom jitkeċċew immedjatament” – AD

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardi qal li jekk ma jirriżenjawx minn jeddhom, Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom jitkeċċew immedjament. Żied li l-arrest ta’ Yorgen Fenech aktar kmieni llum fetaħ il-bibien beraħ għal ħafna affarijiet.

Protesta fis-6pm quddiem Kastilja – Repubblika

L-għaqda mhux governattiva Repubblika qed tħeġġeġ lin-nies biex jingħaqdu magħha għall-protesta li fiha se jkunu qed jeżiġu li biex il-parlamentari jwarrbu lil Joseph Muscat minn Prim Ministru.

Fi stqarrija l-għaqda qalet li l-protesta se ssir quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta fis-6pm. Repubblika qalu li Joseph Muscat missu keċċa lil Konrad Mizzi u Keith Schembri fi Frar 2016. Żiedu li issa Muscat huwa responsabbli għal dak li hu stess iddiskriva bħala “assalt fuq id-demokrazija tagħna” u għalhekk ikollu jitlaq.

L-għaqda appellaw li jekk ma jitlaqx minn jeddu, irid jiġi mkeċċi. Huma enfasizzaw li l-partit u l-grupp parlamentari tiegħu kif ukoll il-Parlament għandhom il-poter u d-dover li jkeċċuh jekk ma jitlaqx.

Schembri u Mizzi għandhom jirreżenjaw u jisparixxu mix-xena politika immedjatament

Il-Moviment Graffitti jemmen li Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom jerfgħu r-responsabilità politika u jisparixxu mix-xena politika immedjatament. Fi Stqarrija l-Movemnt qal li l-arrest ta’ Yorgen Fenech dalgħodu juri li l-kariga ta’ dawn iż-żewġ politiċi m’għadhiex tenibbli.

Żiedu li jekk Mizzi u Schembri jirrifjutaw li jirreżenjaw ir-rabja tal-poplu se tkun kompletament iġġustifikata u kulħadd għandu jistaqsi x’hemm wara s-saħħa li dawn iż-żewġ persuni għandhom fuq Joseph Muscat.

“Il-ġustizzja tiddependi fuq azzjoni politika” – PPE

Il-Partit Popolari Ewropew (PPE) qalet li biex issir il-ġustizzja, trid tittieħed azzjoni politika.

Fi stqarrija, il-Kap tal-PPE Manfred Weber qal li tkellem mal-Kap tal-PN Adrian Delia. Huwa stqarr li jaqbel mal-għajta tal-PN biex ikun hemm responsabbiltà politika, u li din hija distinta mill-proċess legali.