Muscat se jiltaqa’ mad-delegazzjoni tal-UE f’Malta

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jiltaqa’ mad-delegazzjoni ta’ Membri Parlamentari Ewropej mibgħuta Malta mill-Parlament Ewropew.

Dan ħareġ fi stqarrija mibgħuta mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta. Fil-jumejn li ġejjin, id-delegazzjoni se tkun qed tanalizza s-sitwazzjoni kurrenti fil-pajjiż. L-MEPs se jkunu qed jiltaqgħu mas-soċjetà ċivili, l-Gvern Malti u l-awtoritajiet u l-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Id-delegazzjoni mistennija tasal illejla u se tkun magħmula mill-MEPs, Roberta Metsola (EPP), Brigit Sippel (S&D), Sven Giegold (Greens), Nicolaus Fest (ID), Assita Kanko (ECR), u Stelios Kouloglou (GUE). Id-delegazzjoni se tkun immexxijja mill-MEP Sophie In ‘t Veld (Renew).

Waqt dawn il-jumejn, filwaqt li se jiltaqgħu mal-familja ta’ Caruana Galizia u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inkluż NGOs u ġurnalisti, l-MEPs se jkunu qed jiltaqgħu mal-Prim Ministru, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, il-President ta’ Malta George Vella, l-Avukat Ġenerali Peter Grech, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u rappreżentanti tal-Kamra tal-Avukati.

Intant, qabel ma jitilqu l-MEPs nhar l-Erbgħa li ġej, se tkun qed issir konferenza tal-aħbarijiet.