Muscat se jaħdem biex jidħol l-abort?

Min jaqbel mad-drittijiet ċivili jaħdem favur il-ħajja – L-Arċisqof

PL

Read in English.

Fl-aħħar diskors tiegħu bħala mexxej tal-Partit Laburista, Dr Joseph Muscat tkellem b’mod li ħafna fehmuh li jista’ jkun li fil-futur se jkun qed jikkampanja favur l-introduzzjoni tal-abort.

Muscat qal li fil-qasam tal-libertajiet ċivili “fadlilna dibattiti kbar u delikati x’nagħmlu bħala soċjetà”. Huwa kompla jgħid li “dwar libertajiet ċivili fejn kull individwu, kull raġel u fuq kollox kull mara – dawn iridu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fil-libertà”.

It-tweet tal-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna s-Sibt kiteb fi tweet li min għandu “tassew għal qalbu l-aħjar interess u l-libertajiet ċivili tal-ġenerazzjonijiet futuri, imexxi ‘l quddiem kultura favur il-ħajja u mħabba responsabbli fejn id-drittijiet tat-trabi mhux imwielda jkunu promossi u protetti”.

Ħafna fehmu li l-Arċisqof għamel it-tweet b’reazzjoni għal dak li qal il-Prim Ministru lbieraħ.

“Ma jafux x’jaħsbu wliedna” – Muscat

Fid-diskors tal-Ġimgħa filgħaxija fil-Padiljun Sportiv f’Kordin, Muscat qal li se jaħdem għal aġenda li huwa jqisha progressiva. Kompla jgħid li min jemmen li fil-qasam tal-libertajiet ċivili  “għamilna kollox, għadu ma jafx lil uliedna, x’qed jaħsbu, kif jitkellmu”.

Muscat jemmen li din il-ħidma ġdida tiegħu se tkun kontroversjali tant li qal li anke jekk “mhux kulhadd se jarani sabiħ meta jasal dak iż-żmien, imma nħoss id-dejn mal-ġenerazzjonijiet li jmiss li fejn se jkun hemm bżonn inkun spalla ma’ spalla magħhom, biex dawk id-drittijiet li sal-lum għadhom kliem imlissna minn taħt l-ilsien fis-soċjetà jibdew jiġu dibattuti wkoll”.

Għala qed jinterpretaw id-diskors favur l-abort?

Muscat fl-ebda ħin ma semma l-abort iżda huwa sinifikanti li fl-ebda ħin ma semma x’inhu dan id-dritt ċivili li jrid jaħdem għalih.  Muscat semma li d-dritt li jrid jaħdem għalih jolqot “fuq kollox kull mara” u li din se tkun diskussjoni delikata u kontroversjali. Il-frażi “fuq kollox kull mara” x’aktarx teskludi l-ipotesi li huwa kien qed jitkellem favur l-ewtanasja u mhux favur l-abort.

Muscat sal-lum tkellem kontra l-introduzzjoni tal-abort iżda Muscat kien tkellem ukoll kontra l-introduzzjoni taż-żwieġ bejn persuni omosesswali. Dan l-aħħar kien hemm żmien fejn qal biss li l-Gvern Laburista ma għandux mandat biex idaħħal l-abort.

Fid-diskors tal-Ġimgħa huwa sinifikanti li qal  li issa jista’ jaħdem “mingħajr il-piż ta’ karigi u programmi elettorali” u kompla jgħid li allura se jkun “aktar fil-libertà li ngħid dak kollu li nemmen u kif evolva l-ħsieb tiegħi dwar libertajiet ċivili”.

Il-mistoqsija li għamlu diversi kienet: Kif il-ħsieb ta’ Muscat evolva minn kontra ż-żwieġ bejn persuni omosesswali għal favur l-istess żwieġ, jista’ jkun li evolva wkoll minn kontra l-abort għal favur.

Fearne u Abela kontra l-abort

Kemm id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kif ukoll il-Membru Parlamentari Laburista Robert Abela qalu ma’ Newsbook.com.mt li huma kontra l-introduzzjoni tal-abort f’Malta.

Jekk trid taqra l-parti tad-diskors li dwarha qed nagħmlu riferenza għaliha agħfas hawn.

Silta mill-aħħar diskors ta’ Joseph Muscat bħala mexxej tal-PL

Il-Ġimgħa 10 ta’ Jannar

… L-impenn politiku tiegħi se jkompli wkoll għal ftit żmien ieħor fil-Parlament. Wara se ninvolvi ruħi f’żewġ oqsma: l-ewwelnett fejn hemm l-aktar bżonn: fuq libertajiet ċivili, fuq aġenda progressiva… Ngħid biss li min jaħseb li fil-libertajiet ċivili għamilna kollox għadu ma jafx lil uliedna x’qed jaħsbu, kif jitkellmu. Dawk iż-żgħażagħ tal-ġenerazzjoni 16 li tajnihom id-dritt tal-vot, dinja differenti minn dak li nafu aħna, lingwa differenti fejn l-ambjent – u hawnhekk għandi dispjaċir ieħor – jiġi ħafna ’l quddiem fil-mod ta’ kif jgħixu. Mhux il-kunċett ta’ ambjent kif nifhmu llum li huwa ferm limitat, iżda idea ta’ mudell ekonomiku ġdid.

Iżda lura għal-libertajiet ċivili. Fadlilna dibattiti kbar u delikati x’nagħmlu bħala soċjetà. Dwar libertajiet ċivili fejn kull individwu, kull raġel u fuq kollox kull mara – dawn iridu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fil-libertà. Drajtuni ngħidha kif inħossha, ngħid anke meta nemmen li nkun żbaljajt. Meta fl-2008 fil-kampanja għall-mexxej kont bdejt nitkellem dwar il-kampanja għad-divorzju, ħafna qaluli li qed nissogra u li naf nitlef dik l-elezzjoni, forsi dak li ridt ma nafx. Qaluli se ddur il-Knisja kontrik u jiġrilek bħal Mintoff. Imbagħad ġie r-referendum u ma ridunix nieħu pożizzjoni. Qaluli se titlef ir-referendum u tkun ġarrabt telfa qabel l-elezzjoni u nitilfu l-elezzjoni. Qaluli tiħux pożizzjoni għax hemm min huwa diġà lest għalik. U hekk ukoll għamilt fir-referendum dwar il-kaċċa, avolja ma kinitx pożizzjoni popolari, ma qlajt grazzi mingħand ħadd anzi kien hemm min nesa malajr ħafna. Xorta dejjem għedt dak li nemmen u qatt ma tlifna, għax naf li n-nies jaċċettaw l-opinjoni u jagħmlu l-għażliet tagħhom b’serenità u b’rispett reċiproku. Għalhekk inħares ’il quddiem li mingħajr il-piż ta’ karigi u programmi elettorali se nkun aktar fil-libertà li ngħid dak kollu li nemmen u kif evolva l-ħsieb tiegħi dwar libertajiet ċivili. Mhux kulħadd se jarani sabiħ meta jasal dak iż-żmien imma nħoss id-dejn mal-ġenerazzjonijiet li jmiss li fejn se jkun hemm bżonn inkun spalla ma’ spalla magħhom, biex dawk id-drittijiet li sal-lum għadhom kliem imlissna minn taħt l-ilsien fis-soċjetà jibdew jiġu dibattuti wkoll.

Beħsiebni wkoll ninvolvi ruħi f’passjoni kbira oħra tiegħi: il-qasam sportiv, bi proġett li jkollu l-kburija nazzjonali bħala l-għan ewlieni tiegħu.