​Muscat qed isemmi referendum fuq il-Kostituzzjoni, it-taħditiet għadhom ma bdewx – Delia

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat  qed jitkellem bħal qisu kollox diġà miftiehem dwar it-tibdil Kostituzzjonali, tant li qed jitkellem dwar referendum, meta għadhom lanqas bdew it-taħditiet.
Waqt intervista fuq Radio101, Delia qal li ma kienx hemm taħdidiet bejn il-PN u l-PL dwar tibdil Kostituzzjonali.  Saħaq li dan huwa suġġett serju u li hemm bżonn li wieħed jevalwa sew x’tibdil hemm bżonn.
 “Muscat qed jipprova jnessi l-isem VGH”
Adrian Delia qal li l-Prim Ministru t qed jipprova jagħmel minn kollox biex inessi liċ-ċittadini Maltin l-isem Vitals Global Healthcare (VGH).
Delia sostna li l-każ tal-VGH huwa l-każ tal-akbar serqa li saret f’Malta.  Skont Delia, il-Gvern ħares lejn il-qasam tas-saħħa bħala opportunità tad-deheb biex jagħmel in-negozju bil-propjetà tal-Maltin u tal-Għawdxin.
Delia qal li għalkemm Muscat jiddeskrivi lil Konrad Mizzi bħala “doer”, fi kliemu Mizzi huwa fixer – jiġifieri li jgħaqqad in-negozji biex xi ħadd jagħmel il-qliegħ. Delia saħaq li skont il-Gvern ma kienx hemm biżżejjed flus għall-investiment fl-isptarijiet, però mbagħad kien hemm lok biex €50 miljun ingħataw lill-VGH biex xorta ma sar xejn. Huwa sostna li l-PN se jkun qed jagħmel minn kollox biex jieħu lura l-art tal-isptarijiet ta’ Għawdex, Karin Grech, u ta’ San Luqa.
Ġlieda interna fil-PL – Delia
Skont Adrian Delia hemm ġlieda interna fil-Partit Laburista biex jinsab mexxej ġdid wara Joseph Muscat. Qal li minħabba dan, il-PL qed jinsa lill-pajjiż u għalhekk hemm strajks mit-tobba, infermiera, social workers, u mill-għalliema.
Dubji dwar il-Crane Currency
Dwar il-kumpanija Crane Currency li fetħet faċilità f’Malta, Adrian Delia qal li għandu dubji dwar id-€99 miljun li suppost ġew lejn Malta bħala parti mill-investiment. Staqsa minn fejn ġew u fejn marru dawn il-flus.