“Muscat qed iqarraq dwar l-immigrazzjoni irregolari” – PN

Stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Jason Azzopardi u mill-Kelliema għad-Djalogu Soċjali u l-Libertajiet Ċivili, Claudette Buttiġieġ, tgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed ikompli jqarraq dwar l-immigrazzjoni irregolari.
B’referenza għad-diskors li għamel il-Prim Ministru waqt l-attività politika ta’ Jum il-Ħelsien, il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat qed jagħti impressjoni li l-Gvern se jagħmel xi pass kbir.
Il-PN jgħid li fl-amministrazzjoni preċedenti diġà kien hemm kunsens li t-tfal ma jinżammux fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ħlief għat-testijiet mediċi inizjali.
L-istqarrija tgħid li anke l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Manuel Mallia, diġà qal kemm il-darba li t-tfal mhux jinżammu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni.
Il-kelliema tal-PN appellaw lill-Prim Ministru biex jieqaf “jgħaddi biż-żmien” l-NGOs u lill-pubbliku, speċjalment dwar dan is-settur delikat.