Muscat, Mizzi jassentaw ruħhom mill-Qorti fil-każ tal-Vitals

L-eks prim ministru Joseph Muscat u l-eks ministru Konrad Mizzi naqsu milli jitilgħu biex jixhdu nhar l-Erbgħa fil-kawża li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien fetaħ biex titħassar il-kuntratt li għadda tlett sptarijiet pubbliċi lil Vitals.

Muscat, Mizzi u l-eks ministru għall-finanzi Edward Scicluna kienu mistennija jixhdu, iżda Scicluna biss tfaċċa fil-Qorti. Fix-xhieda tiegħu, Scicluna ċaħad li kien jaf bi ftehim li nltaħaq ma’ Mizzi li jipprovdi €100 miljun jekk jitħassar il-kuntratt, li għadda minn idejn Vitals għal għand Steward.

Mizzi daħħal rikors filgħodu, fejn qal li qed iħoss sintomi tal-Covid-19 u li kien qed jistenna r-riżultat ta’ test. Muscat, min-naħa tiegħu, kien informa lill-Qorti li kien se jkun imsiefer.

B’hekk iż-żewġ politiċi ġew mogħtija l-permess li jitilgħu jixhdu f’seduta oħra.