“Muscat m’għandux minn xiex jibża’ ħlief mill-verità” – il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia

Monique Agius

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qalet li l-Prim Ministru Joseph Muscat m’għandux minn xiex jibża’ ħlief mill-verità. Il-familja qalet dan fi stqarrija wara li ġie approvat ir-rapport ta’ Omtzigt.

Il-familja ta’ Caruana Galizia talbet lill-komunità internazzjonali biex tassigura li r-rakkomandazzjonijiet fir-rapport jiġu implimentati, speċjalment dik dwar l-inkjesta pubblika u indipendenti dwar x’wassal għall-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Il-familja tal-ġurnalista investigattiva, irrimarkat li permezz tal-adozzjoni tar-riżoluzzjoni qed toqrob lejn il-verità, jiġifieri li Daphne kienet tibqa’ ħajja kieku l-korruzzjoni f’Malta ġiet investigata sew, kieku l-istituzzjonijiet ħadmu kif suppost u li kieku Malta kienet verament demokratika. Il-familja qalet li għamlet dak kollu li setgħet biex toħroġ din il-verità.