Muscat ‘mar kontra l-liġi u l-etika’ biex Mizzi jingħata kuntratt mal-MTA

Read in English.

Joseph Muscat jidher li kiser il-liġi u l-kodiċi tal-etika għall-ministri meta ta istruzzjoni biex Konrad Mizzi jiġi ngaġġat bħala konsulent tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA), skont il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler.

Fir-rapport tiegħu, Hyzler qal ukoll li Johann Buttigieg u Gavin Gulia – rispettivament il-kap eżekuttiv u ċ-chairman tal-MTA – jidhru li naqsu mir-responsabbiltà tagħhom.

Hyzler investiga l-ingaġġ ta’ Mizzi bħala konsulent tal-MTA, li sar fid-9 ta’ Diċembru 2019 – ġimgħatejn wara li rreżenja minn Ministru għat-Turiżmu – b’kuntratt li kien jaħseb għal ħlas ta’ €80,400 fis-sena u benefiċċji oħra.

L-eżistenza tal-kuntratt saret pubblika fis-27 ta’ Jannar, u dan wassal biex jiġi tterminat mill-gvern. Min-naħa tiegħu, il-kap tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo, issottometta ilment dwaru mal-Kummissarju.

Kuntratt bla kundizzjonijiet

L-investigazzjoni ta’ Hyzler ikkonfermat li Mizzi ngħata l-kuntratt fuq istruzzjoni ta’ Muscat, li kien sar il-ministru responsabbli għat-turiżmu wara r-riżenja ta’ Mizzi, u li l-istruzzjoni ma ġietx mogħtija liċ-chairman iżda lill-kap eżekuttiv: prattika ħażina skont il-kummissarju. Hyzler qal li jekk Buttigieg naqas milli jinforma lil Gulia irrenda ruħu kompliċi, u li jekk għamel dan, Gulia naqas milli jagħmel xogħlu.

Il-kummissarju nnota li l-kuntratt kien jimponi ftit li xejn fuq Mizzi biex jiġġustifika l-ħlas ta’ €6,700 fix-xahar: la kien jispeċifika is-sigħat ta’ xogħol li kien mistenni jaħdem u lanqas kien jorbtu li jwettaq responsabbiltajiet partikolari.

“Dan huwa nuqqas serju li fih innifsu jirrendi l-kuntratt ‘ġeneruż’ iżżejjed ma’ Dr Mizzi,” Hyzler sostna fir-rapport tiegħu.

Hyzler qal ukoll li ma jistax jifhem il-bżonn li jiġi ngaġġat l-eks ministru biex jipprovdi kontinwità – kif ipprova jiġġustifika l-ingaġġ Muscat – meta dan ix-xogħol suppost diġà kien qed isir minn ħaddieħor. B’hekk, Muscat naqas milli jagħti raġuni valida għad-deċiżjoni tiegħu.

“L-ingaġġ ta’ Dr Mizzi jidher li huwa konsistenti mal-prattika li deputati parlamentari tan-naħa tal-gvern jingħataw xi forma ta’ kariga oħra mal-gvern bħala konsolazzjoni meta ma jinħatrux bħala ministri jew segretarji parlamentari,” il-kummisarju qal.

“Iżda jista’ jkun ukoll li f’dan il-każ il-konsulenza setghet ingħatat biex tagħmilha aktar faċli biex Dr Mizzi jirriżenja mill-kariga, u fl-istess waqt jibqa’ jagħmel ix-xogħol li kien qed jagħmel bħala ministru, dak li Dr Muscat fl-ittra tiegħu isejjaħ ‘kontinwità’ (b’salarju u kondizzjonijiet ferm ogħla).”

Muscat isemmi setgħat li ma kellux

Muscat iġġustifika l-istruzzjoni tiegħu b’riferenza għall-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, li jispeċifika li ministru jista’ jagħti istruzzjonijiet lill-entitajiet li jaqgħu taħtu dwar kull ħaġa inkluż l-operat.

Però Hyzler fakkar li dan ma kienx japplika għall-MTA, peress li l-liġi li tirregola l-awtorità – l-Att dwar Servizzi tal-Ivjaġġar u tat-Turiżmu għal Malta – tagħti setgħat ħafna aktar limitati lill-ministru. L-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika stess jgħid li li fejn ma jaqbilx ma’ xi liġi oħra li tirregola entità tal-gvern, tirbaħ il-liġi l-oħra.

B’hekk, skont il-kummissarju, l-istruzzjoni ta’ Muscat biex jiġi ngaġġat Mizzi bħala konsulent “kienet prima facie tmur oltre minn dak li tippermetti l-liġi u kienet ukoll kontra l-etika.”

Il-Kumitat jiddiskuti r-rapport fil-magħluq

Hyzler irrakomanda li r-rapport – li ssottometta fil-5 ta’ Ottubru – jiġi ppublikat fl-iqsar żmien prattikabbli, fl-interess tat-trasparenza. Però l-Kumitat għall-Istandards iddeċieda li jippubblika r-rapport biss f’laqgħa li saret illum.

Fi stqarrija, l-uffiċċju tiegħu żied li l-kumitat għażel li jisma’ lil Hyzler u jiddiskuti r-rapport fil-magħluq, mingħajr ma jagħti l-opportunità lill-pubbliku jsegwi d-diskussjoni.

Il-kumitat għażel ukoll li jipposponi d-deċiżjoni dwar jekk jaqbilx mar-rapport jew le.