Muscat ma jistax jibqa’ jirrappreżenta lil Malta fl-Ewropa – Casa

Appell minn David Casa għall-mexxejja Ewropej

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa sostna li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jirrappreżenta lil Malta fuq livell Ewropew.

Permezz ta’ messaġġ fuq Facebook, Casa appella lill-mexxejja Ewropej sabiex jirrikonoxxu l-kriżi kostituzzjonali li Malta tinsab fiha. Qal li dan kollu ħtija ta’ Muscat inniffsu. Sostna li minbarra l-importanza li jirreżenja bħala Prim Ministru tal-pajjiż, hu ma fadallux awtorità morali u politika biex jirrappreżenta lil Malta fuq livell Ewropew.

‪I call on all European leaders to recognise the constitutional crisis Muscat has placed Malta in. Not only is his…

Posted by David Casa on Sunday, November 24, 2019

Intant, kmieni dalgħodu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li hemm bżonn li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembru u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi jwarrbu mill-pożizzjonijiet tagħhom. Qal li dan hemm bżonn isir sabiex jiġi ssalvagwardjat il-Partit Laburista. Qal li jekk dan ma jsirx, mela huma jistgħu jkunu l-kawża tal-mewt tal-partit.

Aqra: Il-Ministru Bartolo jrid li Konrad Mizzi u Keith Schembri jwarrbu

F’messaġġ live fuq Net TV, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Partit Nazzjonalista Adrian Delia appella sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jinża’ l-partiġġjaniżmu u jingħaqad flimkien, sabiex tissolva l-kriżi kostituzzjonali. Delia spjega li s-Saltna tad-Dritt (rispett lejn il-liġi) titlob li jkun hemm separazzjoni tal-poteri. Qal li minkejja dan, fl-aħħar ġranet il-pajjiż kien xhieda ta’ ksur ta’ dan hekk kif “il-poteri kollha qed jinħakmu minn persuna waħda”.

Aqra: Filmat: Għandna kriżi kostituzzjonali – Delia

“Mizzi u Schembri għandhom jiġu arrestati” – Busuttil

L-eks-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna li Mizzi u Schembri mhux talli għandhom jirreżenjaw mill-pożizzjonijiet tagħhom iżda għandhom jiġu arrestati. Qal li huma għandhom jiġu akkużati b’korruzzjoni u ħasil tal-flus.

“Aħna warajk Prim” – Parnis

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis ikkwota lill-Prim Ministru jgħid li se jkompli jmexxi lill-pajjiż tul il-leġiżlatura kollha. Sostna li hu jinsab warajh.

Bongu hbiebQomna ghall gurnata Ahna warajk PrimJien Bahri tal-Maltemp. Jien mhux ha nabdika, jien ha nkompli nmexxi…

Posted by Silvio Parnis on Sunday, November 24, 2019

“Protesta llejla fis-6pm” – Aquilina

Min-naħa tiegħu, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Karol Aquilina qed iħeġġeġ lill-pubbliku fuq Facebook sabiex jattendi għall-protesta tal-lejla li tibda fis-6pm fil-Belt Valletta, maġenb bieb il-Belt.

“Wettqu l-aġenda li wiegħdna fl-2013” – Farrugia

Min-naħa tagħha, il-Membru Parlamentari Marlene Farrugia, li fil-passat kienet tagħmel parti mill-Partit Laburista nniffsu, appellat sabiex il-Gvern Laburista jwettaq l-aġenda li wiegħed fl-2013. Meta hi kienet għadha tagħmel parti minnu. Appella għall-ġustizzja sħiħ, tindif tal-partit li jwassal għal futur aħjar.

Sostniet li hekk bżonn poplu li jista’ jghix bil-kwiet, jistudja, jaħdem, jakkwista fejn joqgħod, joħloq intrapriżi, irabbi familja, u jgawdi saħħtu f’pajjiżu stess.

Il-Poplu rega’ fdakhom. Kunu rgiel. Pajjizkom l-Ewwel. Gustizzja shiha NaddfuMexxuWettqu l-Agenda li wieghdna…

Posted by Marlene Farrugia on Monday, November 25, 2019

X’inhuma l-aħħar żviluppi fl-investigazzjonijiet?

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li tliet membri tas-Segretarjat tal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona ġew interrogati mill-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana lbieraħ. Intant, is-Sibt, il-Ministru Chris Cardona nnifsu ssejjaħ mill-Pulizija għal interrogazzjoni, b’rabta mal-investigazzjoni li qed tagħmel dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Aqra: Fid-Depot: 3 membri tas-Segretarjat ta’ Cardona

Il-Prim Ministru kien irrakkomanda li dak li qed jitqies bħala s-sensar (middle man) fl-assassinju tal-ġurnalista, jingħata l-maħfra presidenzjali, jekk id-dettalji li jagħti jwasslu għal riżultati.

Skont sorsi infurmati, Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black f’Dubaj, li ġie arrestat nhar l-Erbgħa li għadda meta allegatament kien se jaħrab minn Malta fuq jott, ukoll talab għall-maħfra presidenzjali, u s-Sibt din kienet qed tiġi kkunsidrata mill-Avukat Ġenerali.

Intant, midja oħra qed tirrapporta li llejla l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija kellhom laqgħa importanti dwar il-każ.

Dalgħodu se jkun hemm laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista. Imbagħad għada se jkun hemm laqgħa tal-Kabinett. Sorsi li tkelmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li fil-Grupp Parlamentari u fil-Kabinet qed tikber ir-rabja għall-Ministru Konrad Mizzi, għall-Ministru Chris Cardona u għaċ-Chief of Staff Keith Schembri. Din ir-rabja jesprimuha anke meta jkunu qed jitkellmu ma’ partitarji Laburisti u mhumiex. L-istess sorsi qalu li sa issa ftit biss u minn taħt l-ilsien qed igergru fil-pubbliku kontra l-Prim Ministru. Dawn qed jgħidu illi kieku huwa ħa passi mill-ewwel kieku l-pajjiż u l-partit mhumiex f’din il-kriżi.