Muscat ma jippubblikax il-lista ta’ rigali – Sunday Times

Read in English.

Wara li Newsbook.com.mt kien żvela esklussivament ir-reġistru tar-rigali li fih kienu jitniżżlu kemm ir-rigali li jingħataw lill-Istat u lill-Prim Ministru, il-gazzetta The Sunday Times of Malta llum ħabbret li Joseph Muscat mhux se jippubblika l-lista ta’ rigali li rċieva fil-kariġa ta’ Prim Ministru minkejja li kien stqarr mod ieħor.

Is-Sunday Times qalet li Muscat stqarr mal-gazzetta li m’għandux intenzjoni li jippubblika l-lista ta’ rigali, erbat ijiem wara li jirreżenja minn Prim Ministru. Huwa qal li għamel dak li kien obbligat li jagħmel bil-protokol meta ġie mistoqsi dwar il-lista ta’ rigali.

F’Diċembru li għadda, Newsbook.com.mt ippubblika b’mod sħiħ ir-reġistru tar-rigali datat 8 ta’ Marzu 2013 li jagħti tagħrif dettaljat tar-rigali li rċevew Prim Ministri Nazzjonalisti u jindika wkoll kamra kamra fejn jinstabu l-istess rigali.

Fl-istess ġranet, il-ġurnal The Sunday Times kien irrapporta li l-Prim Ministru Muscat kien mistenni jżomm mal-prassi tal-predeċessuri tiegħu u fi tmiem il-kariga jippubblika l-lista ta’ riġali li rċieva meta kien Prim Ministru.

Il-Prim Ministru kien spiċċa fil-lenti tal-kritika fl-aħħar jiem tal-kariga tiegħu meta ntqal li hu ngħata tliet fliexken inbid Petrus li hu mifhum li jiswew eluf ta’ ewro kif ukoll arloġġ prestiġjuż, minn Yorgen Fenech, li qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.