Muscat ma jiksirx l-etika billi mar Dubaj; €21,000 għat-titjiriet

Muscat jitlob li d-dettalji jibqgħu sigrieti

Read in English.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler ikkonkluda li l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat ma kisirx il-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri meta siefer fuq żjara privata sa Dubai mal-familja tiegħu f’Diċembru li għadda. Il-Kummissarju ġie mgħarraf ukoll li dawn it-titjiriet swew €21,000.

Barra minn dan, min ospita l-vjaġġ ma kellu ebda interess f’leġiżlazzjoni quddiem il-Parlament u ebda interess kummerċjali f’Malta, u għaldaqstant il-Kummissarju saħaq ukoll li l-vjaġġ ma kisirx il-Kodiċi ta’ Etika tad-Deputati.

L-ilmenti saru mill-Kap tal-PD Timothy Alden u l-Kap tal-PN Adrian Delia u minħabba li ġie deċiż li ma kisirx il-kodiċi ta’ etika, il-Kummissarju ma laqax dawn l-ilmenti.

Il-Kummissarju jgħid li l-ispejjez tħallsu minn terzi

L-ilmenti kienu jittrattaw dwar l-ispejjeż tal-vjaġġ, u jekk dawn l-ispejjeż ġewx imħallsa minn Muscat innifsu jew minn terzi. Il-Kummissarju stabbilixxa li l-ispejjeż tal-vjaġġ ma tħallsux minn Dr Muscat iżda minn terzi.

Muscat jitlob li d-dettalji jibqgħu sigrieti

Muscat talab li d-dettalji taż-żjara f’Dubaj ma jitqegħdux fid-dominju pubbliku. Il-Kummissarju aċċetta din it-talba billi qal li kien jidher li l-vjaġġ kien ta’ natura privata, ma kienx relatat ma’ xogħol uffiċjali tal-gvern, u ma kienx jinvolvi ksur ta’ etika.

Qal ukoll li Muscat tah spjegazzjoni dettaljata dwar l-għan tal-vjaġġ u min ħallas għalih u l-Kummissarju qal li ma sab ebda evidenza li kienet tikkontradixxi din l-ispjegazzjoni.

Il-Kummissarju kkonkluda li min ospita l-vjaġġ ma setax kellu l-ħsieb li jinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ Muscat bħala Prim Ministru, billi huwa diġà kien ħabbar ir-riżenja tiegħu u kien fadallu biss ġimagħtejn fil-kariga.

Muscat irriżenja minn Prim Ministru fit-13 ta’ Jannar 2020.
Ikkonfermata: Il-PM iħabbar li se jirriżenja f’Jannar