Muscat ma jiċħadx li rċieva r-rigal; “dejjem segwa r-regoli”

Read in English.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma ċaħadx li l-Prim Ministru Joseph Muscat irċieva l-arloġġ ta’ valur għoli tad-ditta Bvlgari mis-suspettat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech fl-2014. Fi stqarrija, l-uffiċċju qal li Muscat “dejjem segwa l-kodiċi u r-regoli li għandhom x’jaqsmu mar-rigali li jirċievi.”

L-istqarrija ġiet 48 siegħa wara li s-sit Lovin Malta żvela li s-sid ta’ 17 Black u d-Direttur tal-Electrogas, Yorgen Fenech, kien ta bħala rigal edizzjoni speċjali ta’ arloġġ tal-Bvlgari f’Diċembru tal-2014. Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo talab lill-Kummissarju għall-Istandards sabiex jinvestiga r-rigal, filwaqt li l-NGO għas-Saltna tad-Dritt (rispett lejn il-liġi), Repubblika, għamlet rapport lill-Pulizija tiddenunċja lill-Prim Ministru.

Fenech qed jiġi akkużat li kellu x’jaqsam mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li Muscat mhux se jkun qed iwieġeb għal informazzjoni immanipulata u li tinkifex b’mod selettiv lill-media. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li l-informazzjoni ġiet mgħoddija lill-media minn xi ħadd li qed jipprova jwassal sabiex tinħoloq narrattiva mhux eżatta.

Skont l-Uffiċċju, l-Prim Ministru għamel xogħolu f’dan il-każ. Żied jgħid li Muscat inniffsu rrapporta li kien qed jiġi mhedded minn kampanja malafamanti. Qalet li l-PM għandu d-dritt li jieħu azzjoni f’waqtha, kif ukoll iwieġeb b’fatti li juru l-manipulazzjoni u “l-invenzjonijiet puri” li qed iduru bħalissa.