Muscat ma ġie nominat għal ebda kariga mis-soċjalisti – Casa

Luke Zerafa

Il-kandidat elett tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew David Casa qal li mill-ewwel indikazzjonijiet jdher li l-Partit Soċjalista m’huwiex se jmexxi ‘l quddiem l-isem tal-Prim Ministru Joseph Muscat għal xi kariga.

Fuq Facebook Casa qal li lbieraħ bdew in-negozjati dwar min se jkun qed imexxi l-istituzzjonijiet Ewropej għall-5 snin li ġejjin.

“Mill-ewwel indikazzjonijiet, s’issa jidher li l-Partit Soċjalista m’huwiex se jmexxi ‘l quddiem l-isem ta’ Joseph Muscat għall-ebda kariga,” kiteb Casa. Casa qal li se jkompli jaħdem biex il-vuċi Maltija tkun rappreżentata b’Maltin “denja u xierqa.”

L-ispekulazzjoni dwar x’se jiġri minn Muscat tkompli tikber wara r-rebħa Laburista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Għalkemm xnigħat kienu jgħidu li Muscat aktarx jieħu kariga fuq livell Ewropea, din l-istqarrija ta’ Casa tfisser li xejn mhu deċiż għal issa.

F’April. għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk iddeċidiex meta se jitlaq mill-politika, il-Prim Ministru Joseph Muscat, minflok wieġeb, dawwar id-diskors.